Dawk fuq l-assistenza soċjali huma ftit aktar minn terz l-ammont li kien hemm għaxar snin ilu.
Studju ta’ ekonomista mill-Bank Ċentrali, Kurt Sant, jikkonderma dan permezz ta’ analiżi fil-profond tal-iskema tat-tapering tal-benefiċċji soċjali.
Din l-iskema ħarġet fl-elfejn u erbatax minn Gvern Laburista biex inaqqas iż-żieda li kien hemm ta’ persuni fuq l-assistenza soċjali.
F’intervista ma’ dan l-istazzjon, l-ekonomista Kurt Sant spjega li din l-iskema dawwret is-sistema minn waħda passiva, fejn persuni li qabel ma kienx jaqbillhom imorru jaħdmu, għal waħda b’inċentivi ċari favur dħul fid-dinja tax-xogħol.
“It-tapering tal-benefiċċji hija l-iskema li hija targeted għal dawk li huma l-iktar ta’ bżonn l-għajnuna. Per eżempju dawk li huma jirċievu l-għajnuna soċjali, dawk li għandhom ċertu impedimenti biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, eżempju single parents. L-iskema li tagħmel hija li wara li ssib xogħol minbarra l-paga li ssib f’dak ix-xogħol tibqa tirċievi parti mill-benefiċċju tiegħek għal perjodu ta’ tliet snin u allura l-iskema tipprova tneħħi n-nies minn fuq dik id-dipendenza soċjali.”
Fil-fatt, l-aktar li jidher li bbenefikaw minn din l-iskema kienu single parents, fejn hawnhekk l-impatt kien ferm aktar milli rduppjat r-rata ta’ dawk li għażlu li jibdew jaħdmu. Dan għax bit-tapering id-dħul ta’ dawn il-persuni aktar milli jirdoppja meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
L-istudju tal-Bank Ċentrali jindika li fl-assenza tat-tapering single parents kellhom ħamsa u għoxrin fil-mija probabilita li jsibu impjieg wara sitta u erbgħin xahar. Għal dawk fuq assistenza soċjali u li kellhom problemi mediċi l-perjodu kien itul sa’ 61 xahar, tant li ħafna kienu qed jispiċċaw jilħqu l-etá ta’ rtirar u jaqilbu mill-assistenza soċjali għal xi forma ta’ pensjoni baxxa. Minflok grazzi għat-tapering dan l-effett naqas ħafna.
“In-numru ta’ nies fuq il-benefiċċju naqa b’mod drastiku. Però, iżjed importanti minn hekk l-istudju sab illi l-probabiltà li persuna fuq il-benefiċċji timxi għad-dinja tax-xogħol iżjed milli irrdopja u iżjed minn hekk u once li timxi għal dak ix-xogħol tibqa’ dak ix-xogħol żdied ukoll.”
Propju għalhekk l-ekonomista tal-Bank Ċentrali ikkonkluda li minħabba li l-għan tal-iskema tat-tapering kien li tqarreb lil dawk fuq benefiċċji jersqu lejn is-suq tax-xogħol billi telimina, jew għall-inqas tnaqqas, in-nassa tal-faqar u twassal għal impjieg stabbli, l-iskema tista’ titqies bħala ta’ suċċess kbir.
L-istudju juri wkoll li titjib ulterjuri tal-iskema fil-Baġit għall-2023 għamel l-iskema aktar b’saħħitha u se jiżgura li l-inċentivi għax-xogħol jibqgħu dominanti, anke filwaqt li l-Gvern qed ikompli jtejjeb il-livell tal-għajnuna soċjali.