Studenti minn disa’ skejjel iltaqgħu l-Buskett biex jiddiskutu l-ideat tagħhom għal ambjent aħjar.
It-tfal tkellmu dwar ħafna suġġetti, fosthom it-tħaddir tal-lokalitajiet, trasport sostenibbli, l-aċċess għall-kampanja, l-ilma tal-pjan, l-iskart fil-baħar, it-tibdil fil-klima, l-immaniġġjar tal-iskart u l-effiċjenza fl-enerġija.
Fost ideat differenti, ipproponew l-użu tal-bjut għall-biedja organika, aktar żoni għall-picnics, kampanji ta’ tagħrif dwar l-impatti tar-rimi illegali tal-iskart, aktar pjanti fil-klassijiet u żoni t’avventura fil-parks bħaż-żona tal-obstacle course racing (OCR) li għadha kif infetħet fil-Park ta’ San Klement.
Din il-laqgħa segwiet oħrajn simili li saru s-sena li għaddiet, u li matulhom il-Ministru għall-Ambejnt Miriam Dalli, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), flimkien mat-tfal qablu li jkomplu jiltaqgħu kull sena biex jiddiskutu proposti ġodda filwaqt li jsegwu l-andament ta’ diversi inizjattivi ambjentali.
Studenti minn numru ta’ skejjel diversi ħadu sehem f’din l-attività, li saret fiċ-ċentru edukattiv ġdid ta’ Ambjent Malta fil-Masġar tal-Buskett.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ ERA, Kevin Mercieca tkellem dwar l-importanza li l-vuċi ta’ ġenerazzjonijiet iżgħar tiġi meqjusa fid-deċiżjonijiet dwar pjanijiet ambjentali u strateġiji fit-tul li ser jaffettwaw il-ġenerazzjonijiet futuri.
“Sena wara qed nerġgħu niltaqaw magħhom, fejn qed ninfurmawhom x’sar. X’sar bis-suggerimenti li ġew implimentati fil-policy. Ovjament ukoll qed nilqaw ideat u suggerimenti ġodda biex għal kull policy li ssir fil-futur, nintegraw il-veduti ta’ dawn it-tfal.”
Waqt li rringrazzjat lill-istudenti li aċċettaw l-istedina tal-ERA biex jaqsmu l-ideat tagħhom dwar l-ambjent, il-Ministru Dalli spjegat li l-ideat tagħhom huma kruċjali bħala parti mill-missjoni kollettiva lejn futur aktar sostenibbli.
“Tawn suġġerimenti ħafna minnhom wettaqnihom, oħrajn telaqna x-xogħol fuqhom biex nwettquhom, u illum komplejna nisimgħu iktar suġġerimenti li irridu naraw kif nibdew nimplimentaw u nindirizzaw.”
Wara d-diskussjoni, Ambjent Malta iggwidat lit-tfal għal mixja fil-Buskett, fejn setgħu ukoll jieħdu sehem f’sessjoni prattika dwar artiġġjanat sostenibbli b’rabta mal-Milied. Il-laqgħa mat-tfal saret bl-appoġġ ta’ Ekoskola, inizjattiva ta’ Nature Trust – FEE Malta madwar l-iskejjel kollha f’Malta u Għawdex, sabiex tinkoraġġixxi lill-istudenti biex japprezzaw l-ambjent u jsegwu ħajja aktar sostenibbli.
Iċ-Chairperson ta’ ERA Vince Cassar u l-Kordinatur ta’ Ekoskola Paul Pace, flimkien ma’ edukaturi u uffiċjali oħrajn, ukoll ħadu sehem f’din l-attività.