Ġie inawgurat dormitorju ġdid fin-Nursey ta’ Qormi FC, b’investiment ta’ tletin elf ewro mill-Housing Development Fund, fi ħdan l-Awtorità tad-Djar.
Dan il-proġett jikkonsisti f’ristrutturar fid-dormitorju tan-Nursery, li se jservi biex jgħin lit-tfal u ż-żgħażagħ jitħarrġu, jitgħallmu u jikbru mhux biss fit-talent tal-futbol iżda wkoll fil-mixja tagħhom bħala atleti żgħar.
Stephen Pace, li huwa Segretarju ta’ Qormi FC Youth Nursery, spjega kif li kieku ma kienx għal għajnuna mogħtija mill-Gvern, dan il-proġett li kien il-ħolma ta’ diversi ġenerazzjonijiet f’Ħal Qormi, ma kienx iseħħ.
“Dan il-proġett, irrinovajna erba’ kmamar ġoddda. Ħafna affarjiet li aħna bil-volontarjat ma nistawx nagħmluh. Nirringrazzjaw lill-Gvern, għax bih se jgawdu t-tfal tagħna u tfal min-nurseys oħra li jiġu hawn.”
Stephen Pace – Segretarju ta’ Qormi FC Youth Nursery
Dan il-proġett huwa wieħed minn sebgħa li qegħdin isiru fil-komunità permezz ta’ dan il-fond u jingħaqad ma’ proġett ieħor li kien inawgurat ftit tal-ġimgħat ilu fil-Birgu fejn infetħet dar li qed tilqa’ priġunieri fl-aħħar parti tas-sentenza tagħhom fejn hemmhekk isegwu programm ta’ riabilitazzjoni u rijintegrazzjoni lura fil-komunità.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes spjega li dan il-proġett huwa eżempju ħaj ta’ dak li l-Gvern irrid iwassal fil-komunitajiet permezz tal-Housing Development Fund.
Hawn spjega li l-akkomodazjonijiet rikreattivi bħal din ta’ Qormi FC Youth Nursery toffri saqaf għal żgħażagħ biex jgħinuhom jiżviluppaw fl-irġiel u n-nisa ta’ għada.
“Il-Housing Development Fund l-għan tiegħu huwa li jgħin lill-komunitajiet jiżviluppaw. Jiżviluppaw soċjalment anke mill-aspett sportiv u anke ekonomikament. Permezz tal-investiment li għamilna fil-qasam soċjali fl-irħula qed ngħinu aktar komunitajiet ikollhom faċilitajiet biex ikun hemm iktar interazzjoni bejn il-familji li jgħixu f’dawn il-żoni.”
Roderick Galdex – Ministru