Fl-aħħar ta’ dan ix-xahar se tiġi fi tmiemha l-iskema ta’ boll imnaqqas fuq xiri ta’ proprjetà f’Għawdex.
Minn tagħrif żvelat mill-KullĦadd, fl-aħħar ħarġa tagħha, jirriżulta li din il-miżura soċjali wasslet biex l-għadd medju ta’ konvenji rdoppja fil-gżira, waqt li ġie eliminat kull distakk relattiv fl-attività bejn il-gżejjer.
Fl-istess ħin issa l-inċentivi offruti huma wkoll ikkonċentrati fuq ir-rinovar ta’ residenzi diġà eżistenti jew jinsabu abbandunati f’żoni ta’ konservazzjoni urbana u dan bħala parti mill-politika ta’ Għawdex ‘Gżira ta’ Villaġġi’, kif imħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar xhur.
Il-miżura, li kienet tħabbret bħala parti mill-Baġit għall-2017, għenet lil diversi persuni jixtru residenzi f’Għawdex billi jħallsu rata ta’ boll ferm inqas u minn 5% dovut lill-Gvern, din tniżżlet għal 2%.
Waqt li fl-2002 Għawdex kellu Prodott Gross Domestiku (PGD) ras għal ras li kien 57% tal-medja tal-Unjoni Ewropea, sa għaxar snin wara dan kien waqa’ għal 50%, kawża tat-tmexxija ħażina tal-Gvern ta’ GonziPN.
Dan l-istaġnar ekonomiku relattiv ta’ Għawdex affettwa bil-kbir is-suq tal-proprjetà immobbli fejn il-proporzjon ta’ konvenji li kienu jsiru f’Għawdex kien naqas minn 11% tal-pajjiż kollu fl-2005 u l-2006 għal 7% fl-2009, livell baxx li baqa’ jippersisti sal-2016.
It-tħabbira tat-tnaqqis fit-taxxa tal-boll wasslet għal irkupru qawwi fis-suq tal-proprjetà f’Għawdex, tant li, sa mill-ewwel sena tal-iskema, ir-rata ta’ konvenji f’Għawdex kienet telgħet għal 9% tat-total, żdiedet għal 12% fl-2018 u 16% fl-2019. Wara l-2016 id-distakk fil-bejgħ tal-proprjetà f’Għawdex imqabbel ma’ dak f’Malta ġie eliminat u kien hemm anke xhur fejn din l-attività kienet aqwa b’mod relattiv.
Li kieku s-suq Għawdxi baqa’ mwaħħal fix-xejra ta’ attività li kien hemm fl-2016, hu maħsub li n-numru ta’ konvenji kien ikun inqas min-nofs dak li fil-fatt saru wara l-miżura.
Issa bir-rata tal-boll f’Għawdex lura għal waħda simili għal dik f’Malta, dan ifissirx li se jerġa’ jmajna s-suq tal-proprjetà f’Għawdex. Fil-verità, iżda, jirriżulta wkoll li llum l-inċentivi huma ferm aktar ġenerużi mill-2016, grazzi għat-tisħiħ b’miżuri oħra b’saħħithom li baqgħu jiġu sostnuti mill-Gvern.
Fost l-oħrajn, għall-first time buyers issa hemm l-għotja ta’ elf ewro fis-sena għal għaxar snin, filwaqt li għal dawk li jixtru f’żoni ta’ konservazzjoni urbana (UCAs) fil-gżira Għawdxija hemm saħansitra għotja ta’ €40,000. Dan minbarra l-eżenzjoni sħiħa tat-taxxa tal-boll fuq dawn it-tip ta’ proprjetajiet.
Fil-fatt, fl-istrateġija tal-Gvern, l-iżvilupp f’Għawdex jiffoka fuq rinovar ta’ proprjetà eżistenti jew vakanti.