Wara li fil-Milied, il-Prim Ministru Iżraeljan Bejnamin Netanyahu ddikkjara li l-ġlied fil-gwerra mal-Ħamas se jkompli jiħrax, ġie affaċċjat minn qraba ta’ ostaġġi Iżraeljani.
Huwa għamel din id-dikjarazzjoni meta żar lis-suldati Iżraeljani u tenna li pajjiżu se jkompli jiġġieled lill-Ħamas.
Aktar tard, waqt li kien qed jindirizza lill-Parlament, żied jgħid li Iżrael se jħarrax l-attakki tiegħu.
Intant, f’din is-seduta Netanyahu kien affaċċjat minn qraba ta’ wħud minn madwar mija u tletin ostaġġ Iżraeljan maħtufin mill-Ħamas f’Gaza. B’għadd ta’ kartelluni f’idejhom, il-familjari interrompew id-diskors li kien qed jagħmel Netanyahu bl-għajta ta’ “issa, issa”. Dan b’referenza għax-xewqa tagħhom li l-familjari tagħhom jinħelsu mill-aktar fis possibbli.
Iktar tard, f’mossa oħra li kompliet turi l-pressjonijiet kbar li qed ikun suġġett għalihom il-Gvern Iżraeljan, għadd kbir ta’ nies marru quddiem il-Ministeru għad-Difiża Iżraeljan fi protesta kontra l-azzjonijiet tal-istess Gvern.