Għall-presepista Jean Pierre Mifsud, Milied mingħajr presepju qisu mhux Milied. L-imħabba għall-presepju wiritha minn missieru, għax sa minn meta kien żgħir kien iħeġġu biex flimkien imorru jduru l-wirjiet varji tal-presepji.
Għaxar snin ilu kien għamel l-ewwel presepju tiegħu u minn hemm ’il quddiem, baqa’ jipperfezzjona fit-teknika tiegħu. Illum jiddandan b’wieħed imdaqqas li fih ħdax-il pied tul u disa’ piedi fond. Dan hu mibni f’garaxx b’saqaf addattat għall-presepju fi Triq Espeditu Catania f’Ħaż-Żabbar.
Qal, “Il-kunċett tiegħu hu t-twelid tal-Messija, jiġifieri bħalma inti rajt, kollox jiffoka, kollox imur lejn il-grotta tal-Bambin. Kull moviment li hemm tal-pasturi kollha biex imorru jaraw il-Messija, it-twelid ta’ Ġesu Bambin.”
F’dan il-presepju statiku, stil Bibbliku, wieħed isib għadd ta’ pasturi xogħol ta’ Jesmond Micallef fejn jiddomina l-anġlu jħabbar il-miġja tal-Messija fuq l-għar, b’żewġ subien, wieħed bil-fanal f’idu bħal donnu qed jipprova jagħmel it-triq lejn il-grotta aktar faċli.
Jidhru wkoll il-ħamiem jimirħu fix-xagħri u żewġ rgħajja jieħdu nagħsa f’wieħed mill-għerien. Jolqot l-għajn ġuvnott itella’ l-ilma min-nixxiegħa.
Hemm l-anġlu, li deher lir-rgħajja biex iwassal l-aħbar tal-“akbar ġrajja”, waqt li r-ragħaj liebes l-aħdar bħal donnu qed jipprova jxerred din l-aħbar. U lil hinn minn dan kollu, ftit ’il bogħod mara bil-ġarra f’idha bid-dundjan, forsi għall-qatla, fl-isfond fuq wara.
Pastur oriġinali u li ma tantx tara fi presepji, hu ragħaj iġorr lil sieħbu għal għonq it-triq biex jilmaħ aħjar lil Ġesù Bambin.
Qabel tlaqna, il-presipista nnifsu spjegalna d-destin ta’ kull presepju li jagħmel ta’ kull sena.
Stqarr, “Wara li jgħaddi l-Milied, wara s-7 ta’ Jannar, nerfa’ l-pasturi f’posthom, imbagħad, nibda naħseb għal sena oħra, jiġifieri dan il-presepju jinkiser kollu. Jiġifieri kull sena dejjem nagħmel wieħed ġdid. Dan il-presepju magħmul mill-ġibs, ġablow u kartapesta.”