- Id-ditta ta’ avukati tal-Viċi Kap Nazzjonalista Mario Demarco hija d-ditta li kitbet il-kuntratt tal-ITS flimkien mal-Gvern ta’ Malta.
- Il-progett li safa taħt attakk u għajjat ta’ skandlu minn Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista għandu l-barka ta’ De Marco, li jirrappreżenta l-kumpanija li se tiżviluppa dan l-investiment.
SD Finance Plc hija public limited company maħluqa riċentement; jiġifieri kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata. Hija tas-sidien tal-iżviluppaturi tad-DB San Ġorġ, fis-sit fejn bħalissa hemm l-ITS. Hawn, b’investiment privat ta’ €300 miljun, se jsir proġett li jinkludi lukanda ta’ ditta internazzjonali, postijiet residenzjali u zona kummerċjali.
Il-kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għamel minn kollox biex jixħet dubju fuq il-pagament li d-DB San Ġorġ Property ħallsu għall-art fis-sit fejn hemm l-ITS. Fis-seduta parlamentari ta’ nhar is-7 ta’ Frar, l-Oppożizzjoni kritikat bil-qawwa l-bejgħ tal-art, minkejja li dan sar permezz ta’ eżerċizzju trasparenti bla preċedent. Dakinhar, Mario De Marco, Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, ma kienx preżenti maġenb Busuttil.
Issa l-gazzetta MaltaToday żvelat li jaħdmu id f’id ma’ SD Finance Plc hemm l-uffiċju legali ta’ Mario De Marco. SD Finance Plc mistennija taħdem lejn l-akkwist ta’ fondi pubbliċi għall-proġett. Is-segretarju tal-kumpanija huwa Clinton Calleja, wieħed mill-assoċjati ewlenin ta’ Guido de Marco & Associates.
L-istess artiklu jgħid li Mario De Marco nnifsu attenda laqgħat mal-Gvern, b’rabta mal-proġett tal-Hard Rock Hotel, li hija parti mill-proġett.