“Kien hemm ġranet fejn għedt li ħajti spiċċat, imma kelli nqum, għax jien għad irrid ngħix.” Din hi l-istorja ta’ Bernice Bugeja, mara b’saħħitha li, fil-perkors ta’ ħajjitha, minbarra li sfortunatament twieldet b’kundizzjoni serja fil-fwied, għaddiet ukoll minn diversi sfidi oħrajn.
F’intervista ma’ dan l-istazzjon, Bernice spjegat li seba’ snin ilu kellha titla’ l-Ingilterra biex tagħmel trapjant tal-fwied u hemmhekk sabet l-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund.
Qalet, “Bażikament jiena twelidt bil-problemi fil-fwied, twelidt b’kundizzjoni li tkun fil-fwied u seba’ snin ilu kelli nagħmel trapjant tal-fwied fl-Ingilterra. Sibt lill-Istrina, meta tlajna l-Ingilterra, sibna l-accomodation fejn noqogħdu. Bdejna noqogħdu għand is-sorijiet ta’ San Franġisk u sibnihom ta’ għajnuna kbira ħafna.”
Bernice irrakkontat magħna li, fil-bidu ta’ dan il-proċess, it-tobba qalulha li kellha tagħmel biss tliet xhur, però minħabba diversi kumplikazzjonijiet, spiċċat għamlet sena aktar.
Tenniet li l-Malta Community Chest Fund u l-attività ewlenija tiegħu, ‘L-Istrina’, kienu pilastru biex hi tfieq u terġa’ tieħu saħħitha lura, għax kienu hemm f’kull pass li hi għamlet.
Stqarret, “Kienu ta’ sapport kbir, ikollok bżonn xi ħaġa tara li meta tibgħatilhom message jew iċċemplilhom jirrisponduk, iserrħulek moħħok għal dak kollu li għandek bżonn. Inti kull ma trid tieħu ħsieb hi s-saħħa tiegħek u li tara li qed jgħidulek it-tobba trid tagħmlu kif suppost. Jiena ma stajtx ninżel Malta, għax il-fwied ma kienx f’kundizzjoni li naqbad ajruplan, għax seta’ jinfaqa’ u kelli nibqa’ hemmhekk sena u tliet xhur.”
B’ġiżirana, li dejjem iżżomm imħaddna magħha, Bernice rrakkontat ukoll dak li ġara lis-sieħeb tagħha ftit ta’ żmien ilu.
Fl-10 ta’ Mejju tal-2022, Joseph Ellul ta’ tmienja u tletin sena minn Marsaxlokk, magħruf aħjar bħala ‘x-Xlukkajr’, tilef ħajtu traġikament f’inċident sfortunat fl-impjant tal-inċineratur tal-Wasteserv fil-Marsa.
Bernice iddeskriviet dan l-episodju xokkanti hekk kif ftit xhur qabel tilfet ukoll lil missierha. Qalet li kuljum kienet tistaqsi għalfejn hi qed tgħaddi minn dan kollu. Però b’kuraġġ liema bħalu qamet u kompliet bil-ħajja tagħha.
Qalet, “Ma kontx tajjeb mill-ewwel, ovvjament għax dan kulħadd mill-esperjenza, però għamilt ġranet ma nqumx minn ġos-sodda, għax eħe kien hemm ġranet fejn għidt ħajti spiċċat, imma kelli nqum, għax jien għad irrid ngħix.”
Bernice għamlet l-appell tagħha, li nhar l-Istrina, kulħadd għandu jagħti milli jista’ u qalet li hi dejjem tibqa’ tagħti s-sehem tagħha fl-attività mistennija, għax ma tafx meta xi ħadd se jiġi bżonnhom.
Stqarret, “Minn xi ħaġa li għandi nagħtiha lill-Istrina, għax filgħodu kif ħa nqum. Ma nafx jekk hux se nerġa’ niġi bżonnhom. Naf li jekk mhux jiena, xi ħadd mill-familja tiegħi. Jekk mhux xi ħadd mill-familja tiegħi jistgħu jkunu ħbieb, ġirien, jiġifieri minn dak in-naqra li għandek, agħti lill-Istrina, għax ma tafx kif ħa tqum filgħodu.”