Ħamrun 147 A u Cospicua Rangers se jikkontestaw il-finali tan-National Christmas Cup 2023 tal-Blackball wara li rebħu s-semifinali rispettiva tagħhom.
Ħamrun rebħu bl-iskor kumplessiv ta’ 21-6 kontra Jojo’s Birżebbuġa filwaqt li t-tim minn Bormla rebaħ 21-10 kontra Birkirkara Duke’s A.
B’hekk il-finali ta’ nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Diċembru se tkun ikkontestata bejn tnejn mill-aqwa timijiet tal-blackball fil-mument.
Fir-Regional Christmas Cup, Valletta Fossa Boys u Ħamrun 147 C se jkunu qed jilagħbu l-finali ta’ nhar il-Ħamis li ġej wara li rebħu lill-avversarji tagħhom.
Il-Beltin għelbu lil Selmun Bar A 21-14 fis-semifinali fuq żewġ legs bit-tim C tal-Ħamruniżi li rebħu lit-tim D tagħhom 21-9.
Finalment fil-Community Christmas Cup, Marsa FC kisbu l-kwalifikazzjoni għall-finali ta’ nhar l-Erbgħa li ġej wara li għelbu lil Selmun Bar B 21-11 filwaqt li l-istess għamlu Birkirkara Duke’s C li rebħu d-derby kontra Juve Birkirkara A 21-8.
It-tliet finali rispettivi se jsiru fil-Fuego Speakeasy Arena f’Birkirkara.