Tliet ijiem qabel l-Istrina, il-President ta’ Malta George Vella appella biex il-Poplu Malti u Għawdxi juri l-ġenerożità tiegħu u jagħti l-għajnuna tiegħu f’donazzjonijiet li jmorru fil-karus nazzjonali ta’ solidarjetà, għall-fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
Il-President Vella sostna dan l-appell waqt li żar il-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop, fejn nhar it-Tlieta 26 ta’ Diċembru se ssir l-Istrina 2023, b’dehra ġdida u aktar friska bejn nofsinhar u nofsillejl.
Filwaqt li osserva l-aħħar tħejjijiet taż-żoni fejn se jsir id-divertiment, jitwieġbu t-telefonati, kif ukoll jintlaqgħu l-pledges għall-Malta Commmunity Chest Fund, il-President Vella spjega kif il-bżonn għall-flus għall-mediċini fl-aħħar snin kompla jiżdied.
“L-ispejjeż żdiedu, l-ammont ta’ pazjenti kibru allura wieħed kemm il-darba jista jagħti dik ix-xi ħaġa iktar mis-soltu. Ma għandix dubju li nagħtu aħna biss mhux biżżejjed, imma wkoll ngħaddu ’l kelma ma’ ħaddieħor biex infakkru li hemm il-ġbir ta’ fondi. Irridu wkoll ngħaddu ’l kelma ma’ ħaddieħor illi nfakkruh li hemm il-ġbir tal-Community Chest Fund.”
George Vella – President
Il-President radd ħajr lil ħafna voluntiera li ħadmu u qed jaħdmu biex il-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop ikun lest għal dan l-avveniment.
“L-ammont kbir tax-xogħol ta’ volontarjat biex iġibu f’pożizzjoni li nilqgħu lin-nies fis-26. Jinvolvi ruxmata xogħol ta’ servizzi u konvint li dakinhar se naraw l-affarjiet jaħdmu kif sippost.”
George Vella – President
L-Istrina se tixxandar b’mod dirett nhar is-26 ta’ Diċembru bejn nofsinhar u nofs il-lejl fuq l-istazzjonijiet lokali kollha.