Il-Ġimgħa filgħaxija, il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda fi New York approva riżoluzzjoni li permezz tagħha sejħet biex tintbagħat aktar għajnuna umanitarja fil-Lvant Nofsani, speċjalment fl-Istrixxa ta’ Gaza.
Din l-approvazzjoni seħħet wara jiem ta’ negozjati, hekk kif l-Istati Uniti bdiet thedded li ħa tuża l-veto f’dan il-vot importanti.
Din ir-riżoluzzjoni appellat biex tittieħed azzjoni immedjata biex ikun hemm aċċess akbar u aktar sigur għall-għajnuna umanitarja.
Fil-vot tal-Ġimgħa, l-Istati Uniti u r-Russja astjenew għal din ir-riżoluzzjoni li ġiet imressqa mill-Emeriti Għarab Magħquda.
Malta li għandha siġġu mhux permanenti f’dan l-ogħla organu tal-Ġnus Magħquda, ivvotat favur din ir-riżoluzzjoni, bil-messaġġ ta’ pajjiżna huwa wieħed konsistenti dak favur il-paċi.
Dan il-messaġġ konsistenti dwar il-paċi u l-waqfien mill-ġlied pajjiżna għaddih fil-fora internazzjonali f’dawn l-aħħar xhur, fosthom mal-mexxejja Ewropej fil-Kunsill Ewropew.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Antonio Guterres qal li l-akbar problema biex tingħata l-għajnuna f’Gaza huma l-attakki kontinwi minn Iżrael.
F’nofs Novembru li għadda, fil-Kunsill tas-Sigurtà li jitlaqqa’ fil-Kwartieri Ġenerali tal-Ġnus Magħquda f’New York, għaddiet riżoluzzjoni separata mressqa minn pajjiżna favur il-protezzjoni tal-innoċenti, partikolarment it-tfal.