Il-ħaddiema tal-forzi tal-ordni bdew iqassmu l-eluf ta’ rigali li l-poplu Malti u Għawdxi ħalla taħt is-sigra tal-Milied fi Pjazza Kastilja bħala parti mill-kampanja ‘Rigal bi Mħabba.’
Din l-inizjattiva minn mart il-Prim Ministru, Lydia Abela u binthom Giorgia Mae, ta’ kull sena jkollha l-għan li tħalli tbissima fuq wiċċ bosta tfal, li għal diversi raġunijiet ma setgħux ikollhom rigal fil-Milied.
B’differenza mis-snin l-imgħoddija, din is-sena pparteċipaw ukoll il-Kunsilli Lokali li stiednu lir-residenti tagħhom iħallu rigali taħt siġra fil-lokalità.
Minn Pjazza Kastilja, membri tal-korpi dixxiplinati ġabru r-rigali li kien hemm taħt is-siġra tal-Milied u permezz tat-trakkijiet tagħhom ħaduhom lejn Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta.
Fil-fatt, crew ta’ ONE News żar Dar il-Mediterran fejn hemm spikkaw il-kuluri sbieħ tar-rigali, li se jmorru għal dawn it-tfal.
Hemmhekk, dan l-istazzjon iltaqa’ ma’ Larkin Bonnici, li huwa l-Konsulent politku fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, u li qed jikkordina l-loġistika ta’ din l-inizjattiva, fejn spjega l-proċess ta’ kif jitqassmu r-rigali għall-etajiet differenti.
“Skatta proċess ir-rigali kollha li kien hemm madwar 5,000 rigal ġew trasportati kollha f’Dar il-Mediterran matul il-lejl, u il-Ġimgħa imbagħad sar is-sorting tar-rigali. Ta’ minn jinnotta li minbarra li kien hemm dipartimenti differenti, kien hemm numru sabiħ ta’ voluntiera. Matul il-lejl sar is-sorting fejn ir-rigali tqassmu skont il-ġeneru tat-tfal u tpoġġew f’basktijiet.”
Larkin Bonnici – Konsulent
Minn hemm imbagħad il-Forzi tal-Ordni jiġbru r-riġal biex iqassmu l-istess rigali fid-djar tal-lokalitajiet differenti, sabiex f’dan il-Milied, kull tifel u tifla jirċievu rigal.
“Din is-sena anke grazzi għall-involviment dirett ta’ seba’ entitajiet, sas-Sibt diġà tqassmu ħamsin fil-mija tar-rigali li diġà tqassmu. Jien qed nantiċipa li sat-Tlieta, l-Erbgħa nkunu qassamna il-maġġoranza assoluta tar-rigali, li ovjament ħa jibbenefikaw minnhom it-tfal fil-bżonn.”
Larkin Bonnici – Konsulent
Din is-sena wkoll ir-riġali ngħataw lil dliversi għaqdiet li jaħdmu fil-komunità.
Barra minn hekk, din is-sena hija unika wkoll hekk kif fuq ix-xewqa ta’ Jake Vella, inġabru wkoll prodotti għall-annimali taħt is-siġra tal-Milied tal-Isptar Mater Dei.