Faces of the Divine, dan hu l-isem ta’ wirja li qed titella’ bi tlieta u tletin pittura xogħol tal-artisti Mark Muscat u Francesca Attard. Wirja li tinkorpora fiha pitturi bi xbigħat ta’ numru ta’ qaddisin li kienu interpretati minn mudelli.
Kull kwadru esebit jaqsam mal-viżitatur ammont sostanzjali ta’ espressjonijiet realistiċi, kif spjega l-pittur Mark Muscat ma’ dan l-istazzjon hekk kif żorna din l-esebizzjoni.
Karatteristika ewlenija tal-pitturi hi l-proċess li, mill-idea f’moħħ l-artist, twassal għal dak li wieħed jara b’għajnejh permezz tal-akrilika fuq it-tila wara sigħat twal ta’ ħidma b’tant dedikazzjoni u reqqa.
Muscat spjega kif, wara li jkun magħżul is-suġġett li se jiġi mpitter, jagħmel ir-riċerka neċessarja sakemm, imbagħad, isib il-mudell addattat li jitlibbes ħwejjeġ li jikkumplimentaw is-suġġett biex b’hekk ikunu jistgħu jittieħdu numru ta’ ritratti lill-mudell.
“Kif nagħżlu r-ritratt, tgħinna anke l-kuratriċi tagħna, Valentina Lupo, nibdew naħdmu fuqha. Nagħtu preparazzjoni tajba lit-tila bil-ġibs u imbagħad nagħmlu d-disinn u l-isfond u nibdew nimlew bil-kulur bażiku li jkun naqra rough biex naraw kif se jkunu l-bilanċi tal-kuluri, id-dlamijiet u d-dellijiet. Kif naraw li nkunu sodisfatti nerġa’ nibda ngħatti biċċa biċċa l-figura bl-abjad u nibda nagħti diversi saffi ta’ żebgħa sakemm noħorġu l-prodott finali u l-irfinar.”
Mark Muscat – pittur
Fil-fatt, Muscat iħallat iż-żebgħa b’mod dirett fuq it-tila.
F’din il-wirja jispikkaw ukoll il-pitturi ta’ Francesca Attard, li qed tesebixxi numru ta’ pitturi li, iżda, ikunu għaddew minn proċess differenti minn dak tal-pitturi ta’ Muscat, għalkemm iż-żewġ artisti jaħdmu xorta flimkien biex jikkumplimentaw lil xulxin f’esebizzjoni bħal din.
“Hi tuża s-sistema tal-faħam u graphite fuq karta, toħroġ dettall impekkabbli. Meta ma jkollokx kulur, l-attenzjoni tkun fuq it-tessuta tad-drapp u tal-anatomija. Tibda timla, imbagħad, biex joħorġu aktar il-highlights iżżid xi akrilika bajda biex jinqala’ aktar.”
Mark Muscat – pittur
Din il-wirja tinsab fi Triq l-Indipendenza fil-Mosta, biswit il-Kappella ta’ San Silvestru, u se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sat-tletin ta’ Diċembru mid-disgħa ta’ filgħodu san-nofs siegħa u mill-erbgħa sad-disgħa ta’ filgħaxija.
Dan b’differenza għal nhar il-Milied meta l-wirja se tkun miftuħa sas-sebgħa ta’ filgħaxija.