Fir-Repubblika Ċeka, il-Pulizija qalet li nqatlu ħmistax-il persuna u tletin oħra ndarbu, uħud minnhom serjament, wara attakk fi sparatura li seħħet qrib Università fiċ-ċentru tal-kapitali, Praga.
Rapporti internazzjonali qalu li dan l-attakk seħħ fil-Fakultà tal-Arti ta’ Charles University.
Il-Pulizija qalet li l-aggressur huwa żagħżugħ ta’ erbgħa u għoxrin sena u nqatel mill-Pulizija.
Intqal ukoll li missier is-suspettat instab maqtul aktar kmieni l-Ħamis, ftit sigħat qabel dan l-attakk.
B’reazzjoni għal dan l-attakk, il-Ministru għall-Intern tal-pajjiż qal li dan l-attakk mhux marbut ma’ terroriżmu internazzjonali.
Sadanittant, il-Prim Ministru Robert Abela esprima d-dispjaċir tiegħu għal dak li ġara.
F’kitba fuq il-midja soċjali, Dr Abela wera solidarjetà mal-familji tal-vittmi kollha.