Il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja sabet li l-UEFA u l-FIFA – l-akbar żewġ assoċjazzjonijiet tal-futbol fid-dinja – kisru l-liġi wara li waqqfu u mblokkaw il-proċess biex jiġi fformat il-kampjonat imsejjaħ bħala s-Super League.
Dan il-kampjonat, li kien twaqqaf fl-2021, twieled bi ħsieb li l-aqwa 12-il tim fl-Ewropa jinġabru f’kompetizzjoni għalihom. Fil-fatt, is-Super League kien qajjem terremot sħiħ fil-futbol u espona dik deskritta bħala rgħiba għall-flus minn sidien tal-klabbs tal-futbol meqjusin kbar.
Kien il-President ta’ Real Madrid, Florentino Perez, li mexxa l-kampanja favur dan il-league, bl-għajnuna wkoll tal-eks President ta’ Juventus, Andrea Agnelli, flimkien mal-President ta’ Barcelona, Juan Laporta.
Il-UEFA u l-FIFA kienu tkellmu fuq sanzjonijiet fuq min jikkompetti fis-Super League. Fil-fatt, il-pjani għal dan il-kampjonat sfaxxaw fix-xejn meta t-timijiet quddiem dawn id-dikjarazzjonijiet daqqew l-irtirata. Fosthom kien hemm il-klabbs ta’ Manchester United, Manchester City, Chelsea, Liverpool, Arsenal, Tottenham Hotspur u Atletico Madrid.
Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, fid-deċiżjoni tagħha, qalet li l-UEFA u l-FIFA abbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom biex iwaqqfu milli ssir din il-kompetizzjoni u hu kontra l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.
Analisti tal-futbol internazzjonali sostnew li d-deċiżjoni jista’ jkollha implikazzjonijiet fuq diversi klabbs oħrajn, inkluż dawk li ma kinux involuti fil-kwistjoni tas-Super League.
Il-Qorti Ewropea sostniet li l-FIFA u l-UEFA kisru l-liġi Ewropea tal-kompetizzjoni u l-libertà li jipprovdu s-servizzi.
Sadanittant, filwaqt li t-timijiet ta’ Real Madrid u Barcelona sostnew li se jkunu qed jappoġġjaw is-Super League, numru ta’ timijiet opponewh. Fosthom kien hemm PSG, Bayern Munich, Borussia Dortmund, Manchester United, Atletico Madrid, Sevilla, Valencia u Villareal. Il-Premier League Ingliż ukoll irriġetta s-Super League.
B’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-President tal-UEFA, Aleksander Ceferin, sostna li l-UEFA mhux se tkun qed tipprova twaqqaf li jiġi fformat is-Super League.
Fil-fatt, tenna li jittama li tibda din il-kompetizzjoni b’żewġ timijiet biss, filwaqt li sostna li l-logħba tal-futbol mhux għal bejgħ.