Transport Malta qatt m’għamlet xi ħlas lill-fornitur tar-Rigid Hull Inflatable Boats, RHIBs fil-qasir, għax-xiri tagħhom. U dan biex jiġi ssalvagwardjat l-interess pubbliku u l-użu tal-fondi pubbliċi.
Dan qalitu fi stqarrija llum Transport Malta stess fejn spjegat li l-awtorità ħadet konjizzjoni tar-riżultanzi mir-rapport tal-Awditur Ġenerali rigward ix-xiri ta’ dawn ir-RHIBs.
Ingħad ukoll li, minbarra li ma sar l-ebda pagament relatat max-xiri, l-Awtorità kkollaborat bis-sħiħ u tat l-informazzjoni kollha meħtieġa biex l-operat tagħha jiġi skrutinizzat u qiegħda anke tieħu azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet u l-osservazzjonijiet li saru mill-Awditur Ġenerali.
L-awtorità temmet tgħid li dan hu rifless fil-‘management comments’ li huma inklużi fir-rapport kif ippubblikat u tinsab kommessa li tkompli ssaħħaħ il-proċeduri interni tagħha.