Il-Kap tal-Hamas, Ismail Haniyeh, wasal f’Cairo l-Eġittu sabiex jibda b’taħdidiet għal waqfien mill-ġlied f’Gaza.
Dan fl-istess waqt li l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda għadu għaddej b’ħidma bla waqfien sabiex jintlaħaq qbil għal reżoluzzjoni li ssejjaħ għal waqfien mill-ġlied b’mod immedjat.
Għal dan il-għan u wara li ġie pospost vot li kellu jsir ilbieraħ, l-Istati Uniti tal-Amerika, li tinsab fuq in-naħa ta’ Iżrael, għadha qed taħdem fuq xi kliem għandu jintuża f’din ir-reżoluzzjoni.
Sadanittant, il-President Iżraeljan qal li pajjiżu huwa lest sabiex ikun hemm waqfien temporanji mill-ġlied, magħrufa bħala humanitarian pauses.
L-aġenziji li qed iwasslu l-għajnuna fil-medda ta’ Gaza qed jgħidu li l-Palestinjani qed jgħixu f’miżerja kbira.
L-aħħar ċifri minn mindu bdiet il-gwerra bejn il-Lhud u l-Hamas juru kif s’issa mietu 20,000 Palestinjan, filwaqt li 52,000 huma midruba.