Malta Public Transport qed tħabbar servizzi estiżi mfassla apposta għall-festi tal-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta. Is-Servizzi Speċjali tal-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta se jsegwu skeda tal-Ħadd, akkumpanjati minn 50 vjaġġ ieħor biex jilqgħu għad-domanda għolja mistennija mill-passiġġieri.
L-iskeda addizzjonali tinkludi servizzi miżjuda għal diversi rotot fosthom il-Kalkara, Birkirkara, Buġibba, Ħad-Dingli, Ħaż-Żebbuġ, iż-Żurrieq, Birżebbuġia, Xgħajra, u aktar. Ir-rotot 3, 22, 48, 52, 61, 71, 80, u 94 lejn il-Belt Valletta għandhom diversi ħinijiet ta’ tluq li jvarjaw minn madwar is-18:20hrs sad-20:55hrs. Ir-rotot 1, 3, 13A, 22, 48, 51, 52, 61, 62, 71, 72, 82, 88, u 91 li jitilqu mill-Belt għandhom ħinijiet tat-tluq bejn l-22:20 u l-23:00 skont id-destinazzjoni.
Barra minn hekk, wara l-iskeda normali, Malta Public Transport se topera servizzi speċjali li jkopru diversi destinazzjonijiet. Dawn is-servizzi jilqgħu għal lokalitajiet bħal Raħal Ġdid, Birgu, Kalkara, Msida, San Ġwann, Mosta, Mġarr, Ħamrun, Santa Venera, Marsa, Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, Floriana, Luqa, Gudja, Marsaskala, Gżira, Tas-Sliema, San Ġiljan, Paceville, il-Qawra, Buġibba, u l-Belt Valletta, u li se jaħdmu bejn il-23:10hrs sas-02:10hrs. B’hekk hemm għażliet estiżi ta’ vjaġġar bil-karozza tal-linja għaċ-ċelebranti tal-Ewwel tas-Sena.
Malta Public Transport se tkun qed topera skeda mnaqqsa matul il-perjodu tal-Milied li jibda mill-Ħadd, 24 ta’ Diċembru 2023, sat-Tnejn, 1 ta’ Jannar 2024. Ir-rotot se jerġgħu jibdew bl-iskeda normali mit-Tlieta 2 ta’ Jannar 2024.
Kemm fil-Jum tal-Milied kif ukoll fl-Ewwel tas-Sena, ir-rotot kollha tal-karozzi tal-linja se joperaw skont l-iskeda tal-Ħadd. Is-servizz se jkun sospiż bejn 12:00 nofsinhar u t-15:00hrs biex l-impjegati ta’ Malta Public Transport ikunu jistgħu jgawdu ftit mistrieħ mal-maħbubin tagħhom.
Il-karozzi tal-linja se jerġgħu jibdew ir-rotot tagħhom bejn it-15:00hrs u l-16:00hrs, u jitilqu mill-Belt Valletta u lokalitajiet oħra. L-aħħar vjaġġi bil-karozza tal-linja f’dawn il-jiem se jkunu bejn t-20:00hrs u t-20:30hrs, li jvarjaw skont it-tul tal-vjaġġ. Il-kabini tal-biljetti ta’ Malta Public Transport u ċ-Ċentru ta’ Kuntatt se jkunu magħluqin dakinhar tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
Id-detenturi kollha ta’ Tallinja Card personalizzati jistgħu jivvjaġġaw mingħajr ħlas, filwaqt li biljetti bi flus kontanti ta’ €3 għal kull passiġġier se jkunu disponibbli biex jinxtraw mill-magna tal-biljetti tal-linja għal kull passiġġier li m’għandux Tallinja Card valida.
Għall-iskeda sħiħa, aktar aġġornamenti, u avviżi, jekk jogħġbok segwi Malta Public Transport fuq il-mezzi soċjali u żur il-websajt uffiċjali https://www.publictransport.com.mt/en/news-details/expanded-services-for-new-years-eve-celebrations-in-valletta