Ġie ffirmat ftehim settorjali ġdid għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku li jaħdmu fis-sezzjoni tat-tifi tan-nar fl-Isptar Mater Dei u fir-Residenza San Vinċenz de Paul.
Dan il-ftehim sar b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Ministeru għall-Anzjanità Attiva, flimkien mal-General Workers Union.
Il-ftehim jassigura, fost oħrajn, iktar opportunitajiet ta’ taħriġ sabiex dawn il-ħaddiema javvanzaw b’mod iżjed spedit fil-karriera tagħhom u kif ukoll se jkollhom żieda fl-allowances.
Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti għall-Ministeru għas-Saħħa Joseph Chetcuti, mis-Segretarju Permanenti għall-Ministeru għall-Anzjanità Attiva Christine Schembri u Kendrick Bondin u Laurence Bugeja f’isem il-GWU.
Fil-fatt, Kendrick Bondin qal li b’dan il-ftehim, il-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur issa qed jiġu rikonoxxuti u kkumpensati b’mod sħiħ.
“Dan huwa suċċess ieħor tal-GWU flimkien mal-ħidma tagħna u n-negozjar sabiex nirrikonoxxu iktar din il-professjoni importantissima fl-entitajiet tagħna. Dawn huma nies li jieħdu ħsiebis-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol u anka jintervjenu jekk ikun hemm xi aċċident.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, li ppresedew dan l-iffirmar, irringrazzjaw lit-tlett partijiet tal-kollaborazzjoni li wasslet għal dan il-ftehim. Huma awguraw il-ħidma t-tajba lill-ħaddiema ta’ din is-sezzjoni.