Il-karba ta’ missier li ma jistax jara lil uliedu minħabba sistema ġudizzjarja li baqgħet tagħti preferenza lill-omm fejn tidħol il-kustodja hu s-suġġett tal-aktar kanzunetta oriġinali u riċenti mill-grupp Malti Kapitlu Tlettax, bl-isem ‘Nittama Fikom’.
Din hi l-aħħar kanzunetta tagħhom għal din is-sena, f’kollaborazzjoni ma’ Liston Bongailas, li qed jagħti sehemu wara s-suċċess li kellu f’Malta’s Got Talent u X Factor Malta fejn irnexxielu jisraq is-simpatija mhux biss tal-ġurija, imma wkoll tal-poplu Malti u Għawdxi.
‘Nittama Fikom’ ħarġet wara s-suċċess li kisbet fuq YouTube il-kanzunetta preċedenti tagħhom, intitolata ‘Nibqa’ Nammirak’, li wkoll ġiet ikklassifikata mal-aqwa tlieta fil-klassifika Maltija.
Permezz tal-lirika qawwija, Kapitlu Tlettax qed jittamaw li joħolqu enfasi dwar rġiel, li kultant ukoll jispiċċaw il-ġerħa tas-soċjetà fejn jidħlu każi ta’ suwiċidji.
‘Nittama Fikom’, li mil-lum tista’ tiġi segwita fuq il-pjattaformi Facebook u YouTube, għandha produzzjoni ta’ Cyprian Cassar minn Somnio Recording Studios, bi promozzjoni u sapport ta’ Ironic PR & Artist Management.