Athletics Malta ħabbret it-tnedija tar-Road Running Series 2024, kompetizzjoni mifruxa fuq tliet tlielaq li twassal biex jingħata t-titlu nazzjonali individwali u fuq livell ta’ klabb tal-ġiri fit-toroq. Din is-sena, Athletics Malta fasslet pjan biex tattira l-aqwa talent Malta iżda biex fl-istess ħin toffri opportunità għal kull min iħobb jiġri biex jagħmel dan qrib l-aqwa atleti Maltin.
It-tliet itlielaq ta’ din is-Serje se jinkludu tnejn fuq distanza ta’ 10km f’Wied il-Għajn u Ta’ Qali fis-7 u t-28 ta’ Jannar rispettivament, b’dik deċiżiva tkun fuq 5km fit-3 ta’ Marzu mill-ġdid f’Ta’ Qali.
It-tliet rotot ġew ċertifikati minn uffiċjal liċenzjat tal-World Athletics/AIMS, biex b’hekk ikun żgurat li jekk f’dawn it-tlielaq jinkisru xi rekords nazzjonali jew ta’ kategoriji differenti, dawn ikunu jistgħu jiġu rikonoxxuti b’mod uffiċjali.
Biex ikunu eleġibbli għat-titlu nazzjonali, l-atleti jridu jtellqu fit-tliet avvenimenti. Fir-rigward tal-klabbs, dawk tal-irġiel iridu jikkompetu b’minimu ta’ erba’ atleti, filwaqt tim tan-nisa jkun jinkludi tlieta.
Waqt avveniment li matulu tnediet ir-Road Running Series 2024, it-Teżorier ta’ Athletics Malta Darren Micallef qal li l-assoċjazzjoni kienet qed timxi fuq il-passi ta’ World Athletics fejn qed tfittex li tintegra tlielaq għall-aqwa atleti ma’ avvenimenti tal-massa, biex ikun żgurat li d-dilettanti kollha ta’ dan l-isport ikunu jistgħu jiġru fl-istess rotta mal-aqwa atleti ta’ pajjiżna. Dan filwaqt li r-rotta tkun waħda approvata minn World Athletics. Huwa qal ukoll li Athletics Malta se tkun qed tipprovdi intratteniment qabel, waqt u wara t-tlielaq biex tipprovdi esperjenza mill-aqwa għal kulħadd.
Il-Membri tal-Kunsill ta’ Athletics Malta Vince Farrugia u Duncan Abdilla spjegaw ir-regolamenti applikabbli għal dan il-kampjonat u taw dettalji tal-proċess delikat li kien implimentat biex ir-rotot kienu ċertifikati b’mod formali biex jilħqu l-ogħla standards internazzjonali u jkunu eleġibbli għall-għarfien tar-rekords.