Fl-aħħar seduta għal din is-sena, il-Parlament sellem u rringrazzja lill-Iskrivan tal-Kamra tad-Deputati, Raymond Scicluna, li se jkun qed jirtira wara 45 sena fis-servizz.
Ray Scicluna kien ilu jaħdem fil-Parlament Malti sa mill-1978 u serva bħala Skrivan tal-Kamra bejn l-2012 u l-2023.
Fl-aħħar tas-seduta tat-Tnejn, id-Deputat Prim Ministru u l-Leader of the House, Chris Fearne, ressaq din il-mozzjoni.
Qal, “Nipproponi li din il-Kamra turi l-apprezzament tagħha għall-mod kif qeda dmiru b’mod eżemplari l-Iskrivan tal-Kamra, is-Sur Ray Scicluna.”
F’din il-mozzjoni, f’isem il-Gvern, tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari u Whip, Andy Ellul.
Qal, “Kull darba li forsi kien hawn xi nuqqas ta’ qbil, dejjem u m’għandix dubju li għamel l-istess mal-Whip tal-Oppożizzjoni, dejjem ġibidni u dejjem ipprova jipperswadini biex kemm jista’ jkun, ikun hemm qbil f’din il-Kamra u dejjem fakkarni li aktar minn 90% tal-liġijiet dejjem jgħaddu mingħajr kumplikazzjonijiet.”
Tkellem ukoll l-Ispeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia, li rringrazzja lil Scicluna tax-xogħol impekkabbli li għamel u li kien ta’ eżempju ħaj ta’ kif isiru l-affarijiet fid-demokrazija fil-pajjiż.
Qal, “Dejjem sibtu bniedem preċiż, bniedem ta’ kuxjenza kbira, serju, iddedikat f’xogħlu u, fuq kollox l-aktar importanti, kemm ili Speaker u sibtu bħala Clerk of the House, dejjem kien kuraġġuż li dak kollu li ma kienx jaqbel miegħi, jgħidu b’mod ċar u dik hi l-persuna serja ta’ xogħlha.”
Fl-aħħar tkellem Scicluna nnifsu li għadda dawn il-kelmtejn.
Qal, “Nixtieq nirringrazzjakom, però l-aktar li nixtieq nirringrazzja hi lill-familja tiegħi, minħabba s-sigħat twal. Grazzi lil kulħadd.”