Il-kriżi internazzjonali qed tkompli tiddomina fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn issa kien imiss lill-Gvern Ġermaniż li qed jiffaċċja kritika qawwija minn bosta wara li waqqaf b’mod ħesrem skema li tati sussidji għax-xiri ta’ vetturi elettriċi.
It-tmiem ta’ din l-iskema qed jitqies bħala daqqa ta’ ħarta għall-industrija tal-karozzi li diġà kienet tinsab fi kriżi.
Il-Ministeru tal-Ekonomija tenna li issa x-xerrejja prospettivi ma jistgħux japplikaw għal din l-iskema u ammetta li kienet sitwazzjoni sfortunata għall-konsumaturi li bdew jittamaw li jagħmlu użu minn dan il-benefiċċju nazzjonali, però ma kienx hemm għażla oħra, għajr dik li jissikkaw iċ-ċinturin fost aktar awsterità, minħabba nuqqas ta’ flus disponibbli.
Analista miċ-Ċentru għar-Riċerka dwar il-karozzi wissa li deċiżjoni bħal din se jkollha konsegwenzi serji hekk kif kien ippjanat li, sal-2030, jinħarġu 15-il miljun karozza elettrika.
L-industrija ewlenija tal-karozzi fil-Ġermanja ilha tissielet mal-qalba għall-vetturi elettriċi minħabba ekonomija globali dgħajfa. Minbarra hekk, il-Ġermanja għandha sfida ta’ kompetizzjoni maċ-Ċina, wieħed mill-aktar swieq importanti f’dan is-settur.
Dan ikompli jirrijafferma l-qagħda stabbilita li tirrenja f’pajjiżna hekk kif fost il-miżuri tal-Baġit, li ġie approvat fl-aħħar seduta tat-Tnejn, se tiġi estiża l-iskema ta’ ħdax-il elf ewro għax-xiri ta’ vetturi elettriċi ġodda, kif ukoll l-għotja għax-xiri ta’ muturi li jaħdmu bl-elettriku, l-iskema tal-iskrappjar ta’ vetturi antiki u dik għal min jaqleb il-vettura tiegħu biex taħdem bil-gass minflok bil-fuel.
Vetturi elettriċi u plug-in hybrid, li jkollhom awtonomija ta’ 50 kilometru, se jibqgħu jiġu eżentati mit-taxxa ta’ r-reġistrazzjoni u l-ħlas tal-liċenzja tat-triq għall-ewwel ħames snin.