Floriana kisbu rebħa drammatika ta’ 3-2 kontra Marsaxlokk biex temmew is-sena kalendarja 2023 fil-quċċata tal-klassifika b’29 punt, tliet punti vantaġġ fuq Hamrun Spartans.
Kienet partita li setgħet tmur kull naħa, biż-żewġ timijiet ikollhom il-waqtiet pożittivi tagħhom tul id-90 minuta, b’Marsaxlokk ikunu l-aħjar team fl-ewwel taqsima, iżda fit-tieni taqsima, Floriana, dehru ittrasformati u kienu huma li pproduċew l-isbaħ logħob.
Marsaxlokk fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu mal-kwarta logħob meta wara taħwida fil-kaxxa, Anthony Obonogwu irnexxilu jsib ix-xibka avversarja biex poġġa lix-Xlukkajri fil-vantaġġ. Huma komplew jippressaw u fid-29 minuta l-awtur tal-ewwel goal Xlukkajr Anthony Obonogwu għadda tajjeb lejn Yuri De Jesus Messias li kellu x-xutt b’saħħtu tiegħu mdawwar f’corner bi bravura mill-goalkeeper Bulgaru ta’ Floriana, Georgi Kitanov.
Fis-47 minuta Marsaxlokk kellhom ferħa bla temma meta Yuri De Jesus Messia minn pożizzjoni ideali rnexxiellu jitfa’ l-ballun fix-xibka, iżda r-referee Slobodan Petrovic iġġudika li dan kien jinsab f’pożizzjoni ta’ offside u b’hekk ħassar il-goal immedjatament. Żewġ minuti biss wara, l-istess Yuri De Jesus Messias kellu x-xutt fil-baxx tiegħu minn ġol-kaxxa jintemm ftit barra.
Iżda kontra x-xejra tal-logħob, Floriana ġabu l-iskor indaqs fil-50 minuta permezz ta’ xutt fil-baxx minn pożizzjoni ideali ta’ Carlo Zammit Lonardelli, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka. Huma komplew jippressaw u tmien minuti wara qalbu l-iskor favurihom permezz ta’ xutt fil-baxx ta’ Jose Ulises Arias, li ntemm fir-rokna tax-xibka.
Iżda d-drama kienet għadha ma ntemmitx hawn u fis-66 minuta, Marasaxlokk, ġabu l-iskor indaqs meta wara li rċieva minn cross mix-xellug, Yago Ramon Sousa Gomes b’daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.
Floriana skorjaw il-goal tar-rebħa b’mod drammatiku fil-ħin miżjud meta Kemar Reid kellu x-xutt fil-baxx tiegħu li ntemm ġewwa, fost id-delirju ta’ ferħ tal-partitarji tal-Greens.
Referee: Slobodan Petrovic
BOV Plejer tal-Logħba: Anthony Obonogwu (Marsaxlokk)