Hamrun Spartans aċċertaw mit-tliet punti sa tmiem l-ewwel taqsima, hekk kif kienu diġá tliet goals minn fuq, f’partita li fiha huma għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 3-1. Għal Hamrun, irritorna l-goalkeeper internazzjonali Malti, Henry Bonello, wara li rkupra minn injury, iżda kellhom lil Ryan Camenzuli sospiż.
Hamrun għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u fetħu l-iskor wara biss erba’ minuti meta wara li rċieva cross ta’ Luke Montebello, Yulian Nenov kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.
Fl-24 minuta, il-kowċ Taljan ta’ Santa Lucia Alessadro Zinnari kien kostrett jaffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ għalihom il-plejer Gonzalo Nicolas Virano, biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut, Alessio Piazza. Santa Lucia ħolqu l-periklu għall-ewwel darba ħames minuti wara meta xutt ta’ Tatsuro Nagamatsu ġie kklerjat minn fuq il-linja fatali minn Emerson Marcelina, bl-Ispartans jeħilsuha ħafif.
Dan sabiex mill-azzjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-pitch, minuta biss wara, Hamrun irduppjaw l-iskor meta wara li rċieva minn cross mil-lemin, Emerson Marcelina, bir-ras għadda tajjeb lejn Luke Montabello li minn qagħda ideali tefa’ l-ballun wara l-goalkeeper ta’ Santa Lucia, Francisco Celio Da Paz, fost protesti qawwija min-naħa tal-plejers, diriġenti u partitarji tal-Luċjani minħabba allegata pożizzjoni ta’ offside.
Hamrun ma kienux kuntenti b’dan l-iskor, hekk kif proprju fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, għamluhom tlieta, meta wara li rċieva cross ta’ Juan Carlos Corbalan, Uros Duranovic, kellu x-xutt tiegħu mill-viċin li għadda minn taħt saqajn Da Paz għal 3 – 0.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Hamrun komplew fejn ħallew fl-ewwel waħda u fit-48 minuta, Roko Prsa, kellu f’saqajħ il-ballun tar-raba’ goal għalihom, iżda wiċċ imb’wiċċ ma’ Da Paz, ra lil dan tal-aħħar isalva bi bravura.
Santa Lucia iżda bdew jipproduċu logħob sabiħ u ta’ dan ġew ippremjati meta fil-50 minuta naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ xutt sabiħ minn pożizzjoni ċentrali minn ġol-kaxxa ta’ Tatsuro Nagamatsu li ntemm fir-rokna tax-xibka.
Il-partita kompliet ikkarterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground. Dan sat-83 minuta meta xutt b’saħħtu ta’ Juan Carlos Corbalan għal Hamrun, intemm ftit barra.
Fil-ħin miżjud Uros Duranovic dejjem għall-Ispartans spara xutt b’saħħtu li iżda intemm barra.
Referee: Ishmael Barbara
Plejer tal-Logħba: Luke Montabello (Hamrun S.)