Marc James huwa Kap Eżekuttiv tal-Malta Boxing Commission, iżda l-iktar esperjenzi li ttimbrawh kienu l-gwerer, fosthom tal-Iraq, tal-Afganistan, tal-Irlanda ta’ Fuq u tal-Bosnija-Herzegovina. Twieled Margate, Kent, l-Ingilterra u ta’ sentejn ġie Malta. Tkellimna miegħu dwar il-gwerra ta’ veru u dik ta’ fuq ir-ring.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek għall-boxing?
Fis-sekondarja kont immur Vincenzo Bugeja, il-Mosta. Missieri kien jagħtini 75ċ kuljum biex anke nkun nista’ naqbad tal-linja bihom. Kien hemm xi grupp ta’ studenti ikbar minni li kienu jibbuljawni u jisirquli dawn il-flus. Darba minnhom dħalt id-dar b’geddum sal-art u għedt b’kollox lil missieri. Missieri qalli biex ma nħabbilx rasi u nħalli f’idejh. Għaddew ġimagħtejn u darba sibt xkora fis-salott li kienet vojta, fejn stajt nagħti d-daqqiet ta’ ponn. Beda jgħallimni missieri d-dar u wara bdejt immur għand Bertu. Minn hemm qisha bdiet il-ħajra għall-boxing. Imma rrankjat sew kien meta kont fl-army l-Ingilterra u bilfors kelli nagħżel sport. Il-maġġoranza kienu jagħżlu l-futbol imam, barra l-futbol u r-rugby, kien hemm ukoll il-boxing. Għażiltu u bqajt involut fil-boxing.
Kont fl-army fl-Ingilterra. Naf li kont involut fil-gwerra fl-Afganistan u li din l-esperjenza għenitek fil-boxing. Irrakkontali l-istorja meta kont rajt ħafna nies imutu ħdejk. Kif qawwietek fil-karattru dik l-esperjenza?
Fl-army Ingliża għamilt 10 snin. Fl-2003 kont l-Iraq u fl-2006 l-Afganistan, imma mbagħad kien hemm ukoll l-Irlanda ta’ Fuq u anke l-Bosnija-Ħerzegovina.
L-esperjenza tiegħi tal-gwerra tgħallimt minnha. Meta ffirmajt kuntratt mal-Ingliżi għal 22 sena kont naf għal xiex dieħel. Il-perjodu taż-żmien li dħalt fih kien hemm il-missjoni tal-Afganistan biss. Imma mbagħad kien hemm ħafna esperjenzi f’daqqa li donnhom ġew f’salt. Tifel ta’ 18-il sena fuq il-front line hu u jinvadi bilfors irid irabbi naqra qoxra għax inkella ma jkampax.
Imma x’esperjenzajt? Kemm domt?
Għaddew 13-il sena mill-gwerra tal-Iraq u l-esperjenza għadni nġorrha fuqi sal-lum. Jien ili barra mill-army. Kont ġejt medically discharged għax kont weġġajt u ma stajtx nagħmel il-fitness tests u l-attivitajiet l-oħra. Influwenzatni ħafna.
Dejjem nibqa’ nirrakkonta storja li f’moħħi qatt ma raqdet. Konna qegħdin ġo patrol mixjin. It-toroq kienu qishom tal-Belt – blokok – u kien hemm xebgħa nies. Kien hemm raġel li kien kważi se joqtol lil martu quddiem in-nies. Beda jipponta arma tan-nar ta’ 9 millimetri, u xħin aħna morna biex narrestawh, il-komunità bilkemm ma ngħidlekx ħaditha kontrina. Inti hawn tkun qed tesperjenza kulturi u ideoloġiji differenti f’dawn l-affarijiet.
Imbagħad kien hemm l-Afganistan. Intlaqatt; laqatli l-pulmun u ġejt lura wara sitt ġimgħat servizz. Lanqas midalja ma ħadt.
Nimmaġina li sitwazzjoni li ma tinsiex…
Il-punt ta’ dan kollu hu li kif tiġi lura minn dawn il-postijiet iddum ftit sakemm terġa’ ssib saqajk. Issa forsi jien li għamilt sena u nofs fi gwerra qed insibha diffiċli li ngħix ħajja normali, kalma, wara dak li għaddejt minnu? Hawn Malta, li ma hawnx gwerer hi differenti immens għax nista’ ngħix ħajja differenti minn ta’ suldat. Ħajja ħafna aktar bil-mod. Ħajja ta’ suldat fuq il-front line hi iebsa. Mit-tmienja ta’ filgħodu sal-ħdax ta’ filgħodu jew nofsinhar rieqed maġenb tank. Imbagħad sħabek tal-loġistika u tat-tankijiet għassa biex jaraw li l-front line ma jiċċaqlaqx. Filgħaxija, wara li tnaddaf il-munizzjon u r-rifle, trid terġa’ tirbombja u tippakkja kollox, u kif jasal il-lejl jew kif tasal il-biċċa xogħol li jkollok, ikollna nitilqu ninvadu. Allaħares ma żżommx il-momentum tiegħek ’il quddiem.
Jekk taqa’ fuq irkopptok u daħlitlek żrara, trid tqum fuq tiegħek u tibqa’ tiġri. Jekk rajt lil sieħbek jintlaqat jew jinfaqa’ b’bomba, iġbru, ara hux ħaj, jekk iva dewwih u ibqa’ għaddej. Immaġina li ilek taf lil sieħbek tmien snin u taf li ntlaqat u tilef saqajh. Tagħmillu t-torniquade li qisha ċinturin li tintuża biex il-pazjent ma jiżvinax ħalli twaqqaflu d-demm, tlibbishielu, tagħtih daqqa ta’ morfina u tibqa’ għaddej. Ikollkom kuraġġ tagħmluha din? Timmaġinaw intom tgħaddu minn sitwazzjoni bħal din? Psikoloġikament jaffettwawk dawn l-affarijiet.
Ħa nduru issa għall-boxing. Hawn min jgħid li l-boxing mhuwiex sport għax biex tirbaħ trid tkisser lil ħaddieħor.
Darba kien hemm referenza li aħna barbari. Din tweġġagħni meta jgħidu li l-boxing mhux sport. Però, la huwa tort tagħna u lanqas tort ta’ ħaddieħor li jaħsibha hekk. Kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu.
Kien hemm żmien, ngħidu aħna fl-1976, li f’Malta l-boxing kien qisu ta’ tnejn min-nies fis-sakra. Fil-Kottonera darba kien hemm każ fejn wieħed kien qala’ daqqa ta’ ponn, raqad u ma qamx.
Però x’jagħmel il-boxing sport? X’inhuma l-kwalifiki li jikkontribwixxi l-boxing bħala sport?
Id-definizzjoni ta’ boxing hija din: You are trying to tactically outwith one another with use of strikes to a target area with no infringments of the rules. Għandek target area u din it-target area trid tintlaqat bin-knuckle area ta’ jdejk.
Jekk nieħdu l-fencing pereżempju, x’hemm differenti imma fl-istess ħin simili? Għandek l-istess terminoloġija wkoll. Għandek boċċa u trid tolqot it-target area. Dik hi l-istess ħaġa.
Inti CEO tal-Malta Boxing Commission. Spjegali r-rwol tiegħek.
Ara, aħna konna Malta Boxing Commission. Dik kienet kumpanija limitata Ingliża li llum m’għadhiex topera Malta imma topera l-Ingilterra taħt isem differenti. Ir-raġuni li m’għadniex Commission għax meta ħabbatna l-bieb tal-Kunsill Malti għall-Isport u ta’ entitajiet bħall-European Boxing Union, sibna l-bieb magħluq u ma stajniex nagħmlu affiljazzjoni. Aħna għamilna break-away u ffurmajna assoċjazzjoni ġdida u bażikament illum din l-assoċjazzjoni fiha 19-il klabb u qed nimmiraw li jkollna 200 membru din is-sena.
Ir-rwol tiegħi hu li niggwida lill-promoters, lill-coaches u lill-kumitat fil-liġijiet internazzjonali.
L-isport tagħna jinqasam fi tnejn: l-ewwel għandek il-boxing taż-żewġ minuti (jiġifieri li r-round idum żewġ minuti) li huwa marbut mal-kategorija tal-amateurs, il-youths; u t-tieni għandek ukoll fejn tidħol il-UEFA – il-boxing tat-tliet minuti, li huwa aktar marbut ma’ min hu professjonali, li jissejħu elite athletes.
Xogħli huwa li nirrappreżenta lil dawn l-elite athletes. Għamilt il-kors tar-referee u ġejt iċċertifikat bħala referee professjonali.
Nagħmel ukoll xogħol amministrattiv. L-elite athletes jiffirmaw xebgħa kuntratti bejniethom wara kull ġlieda. Pereżempju, ngħidu aħna, hemm klawsola li forsi jien u int se nkunu involuti fi ġlieda, u forsi int weġġajt ġimagħtejn qabel il-ġlieda u begħt il-biljetti, u aħna għandna l-flights maqtugħin. Għalkemm huwa affarih, aħna prattikament irridu nkunu koperti bħala organizzazzjoni.
Aħna rridu nagħmlu l-istess affarijiet li tagħmel il-BBBOC. Aħna l-medical standards tagħna tat-tliet minuti jridu jkunu kif suppost. Irridu naraw li jkollna l-brain scan, irid ikollok il-blood test biex nevitaw l-HIV u l-Hephititis. Għalhekk nara li nosserva dawk ir-regolamenti.
Xogħli wkoll hu li jekk ikun fatalità fir-ring, irrid nirrappreżenta l-assoċjazzjoni u l-membri tagħha u nagħti rendikont għal xiex ikun sar dak l-iżball.
Ngħin ukoll fi promozzjoni. Ngħin lill-promoters u lill-ġellieda. Huwa importanti li aħna nagħmlu wkoll ħoss fuq skala internazzjonali. Meta għandek xi ħadd li għandu fan base żgħir, ismu ma tantx jiċċirkola fuq l-EBU, allura nara li nagħtuh promozzjoni. Biex tkun fuq l-EBU jrid ikollok 60 ġlieda fuq livell ta’ amateur biss. L-Ingliżi, il-Franċiżi u t-Taljani, pereżempju, jiddominaw l-EBU kollha.
Malta teżisti xi assoċjazzjoni oħra tal-boxing?
Hawn 21 klabb tal-boxing hawnhekk. Irrelevanti humiex tal-boxing u tal-kick boxing. Bħala organizzazzjoni, konna qed niġu ggvernati minn żewġ shareholders Ingliżi u ma stajniex niġu rikonoxxuti minn Sport Malta minħabba li konna entità limitata. Dan li qed insemmi kien mill-Ingilterra u mhux minn Malta.
Aħna l-Maltin (għax aħna konna Maltin u Ingliżi) kollha ngħaqadna. Dak iż-żmien konna sitta. Iffurmajna din l-assoċjazzjoni f’Settembru tal-2013. Sar ħafna xogħol minn dak iż-żmien ’l hawn. Bdejna b’dawk. Illum il-ġurnata hemm affiljati magħna 19-il klabb tal-boxing. B’hekk nafu li hemm 21 għax sadanittant infetħu tlieta jew erbgħa oħra. In-numru dejjem qed jikber.
F’Ġunju tal-2014 aħna dħalna bħala provisional members tal-EBU għal sentejn. Meta l-EBU ġew għal għarrieda jispezzjonaw, qalulna li konna qed nagħmlu xogħol tajjeb.
F’Diċembru tal-2014, imbagħad, ħadna rikonoxximent mill-FIFA, il-World Boxing Council. Nagħmlu s-serati tal-awards u diġà deħlin għar-raba’ edizzjoni tagħhom. Għamilna wkoll l-ewwel championships tal-boxing tat-tliet minuti. Għall-ewwel darba ċ-championship outs ta’ Malta huma rikonoxxuti mill-UEFA. Dan huwa pass kbir li l-assoċjazzoni għamlet. Ġejna wkoll full members wara l-ispezzjoni.
Ir-rwol tal-assoċjazzjoni hu li żżomm komunità magħquda biex ikun hemm vuċi waħda.
Ikun hemm tabib preżenti waqt il-ġlieda, taħt ir-ring?
Iva, dażgur. Ħa nitkellem fuq il-ġellieda tat-tliet minuti. Il-ġellied irid jagħmel il-medical tests, l-MRI, testijiet tad-demm u tal-għajnejn, u dak li jissejjaħ physical medical darba f’sena. Dawn irid jagħmilhom kulħadd, kemm jekk inti għadek ħiereġ mil-livell ta’ amateur u se tiddebutta, u anke jekk inti l-world champion. Dakinhar stess trid tagħmel it-testijiet mediċi. Jekk boxer ikun iddikjarat tajjeb biex jiġġieled, mela hu jkun jista’ jitla’ jiġġieled fir-ring. Jekk le, ma jitħalliex. Meta jinżlu mir-ring nerġgħu niċċekkjaw lill-ġellieda, li ma jkunx hemm xi sinjali ta’ concussion. Dejjem irridu nimxu mal-health and safety measures għax aħna nġibu s-saħħa tal-ġellieda l-ewwel u qabel kollox.
Kemm tqisu perikoluż l-isport tal-boxing?
Il-futbol u l-basketball jidher li għandhom aktar riskji. Nieħdu ħafna prekawzjonijiet biex innaqqsu r-riskju. L-għan tagħna li ma jkunx hemm riskju, imma impossibbli għax bħal kull contact sport ieħor hemm ir-riskju. Anke jekk toħroġ mid-dar hemm ir-riskju li tweġġa’. Fil-futbol naraw ħafna injuries, anke meta naraw fuq ir-replays. L-istandard tal-medicals tal-boxing illum huwa għoli immens, litteralment jidħlulhom f’kollox, anke fil-history.
Mela le, dażgur li hu sport perikoluż il-boxing. Ninxurjawhom u nieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa. Però, kif se twaqqaf ir-riskju ta’ mwiet? L-edukazzjoni hi fundamentali. Huwa billi tkompli tirriċerka u tingħaqad ma’ għaqdiet internazzjonali li jiggarantulek l-aħjar informazzjoni. Bħala periklu huwa rrenkjat fis-sitt jew fis-seba’ post.
Fil-passat riċenti kien hemm każ fejn boxer tela’ fis-sakra. X’kien ġara?
Dak kien sena jew sentejn ilu. Kellna atleta li deher jammetti mar-referee li kien ħa tnejn whisky wara li l-promutur staqsieh x’kien ġara. Dak li aħna rajna fil-klabb, li ħriġnielu l-liċenzja biex jiġġieled dakinhar, kien totalment differenti minn dak il-persuna li rajna fir-ring dakinhar. Fil-bord tad-dixxiplina hu ammetta li kien ħa tnejn whisky li tathomlu ommu biex jikkalma l-eċitament li kellu, anke biex jiġġieled għall-ewwel darba quddiem ħafna nies. Hu kien ħadem ħafna biex ibigħ il-biljetti.
Għaliex il-boxer innifsu jrid ibigħ il-biljetti tal-ġlieda li jkun se jieħu sehem fiha hu stess? Din barra minn Malta teżisti?
Aħna li qegħdin nagħmlu hu eżattament l-istess bħalma jiġri l-Ingilterra. Mill-esperjenza tiegħi li kelli l-Ingilterra mxejt ma’ li jagħmlu huma. Kulma qed nagħmlu bil-barka tal-British Boxing Board of Control (BBBOC). Aħna qegħdin fl-aspett professjonali.
L-ammont ta’ biljetti hu importanti għax jagħmel ukoll differenza fejn int tkun fil-bout list. Il-bout list hi min se jiġġieled kontra min. Jista’ jkollok tlettax-il ġlieda fil-bout list.
L-għan tiegħek hu li int tkun l-aktar wieħed popolari jew famuż li titla’ fil-main events għax il-main events ifissru li int qed tiġġieled għal xi tip ta’ titlu. Jekk, pereżempju, għandek il-profil tiegħek fuq il-website tal-assoċjazzjoni u tiddikjara li rbaħt iċ-championship, fiha jkollok ir-rekord u l-istorja tiegħek mal-klabb, u r-rebħiet li tikseb jaħdmu favurik għax jistgħu jkunu indikazzjoni tajba biex l-Ewropa toffrilek kuntratt.
Kif għenek fil-karattru l-boxing? U kif jgħin lill-boxers inġenerali?
Il-boxing jagħtik ukoll id-dixxiplina. Jagħtik opportunità li tkun attiv, li tiżvoga, tmur il-gym u toħroġ li għandek ġewwa. Jagħtik pożittività u tgħix aħjar.
Aħna mhux se ngħallmuk mill-ewwel kif tagħti daqqa ta’ ponn għax qabel tagħti daqqa ta’ ponn trid tkun taf tilqagħha. Mhux se tiġi żewġ lezzjonijiet u tmur fit-triq u tagħmel il-karat ta’ Jackie Chan, biex niftiehmu. Int kif tiġi magħna, nitfgħuk fuq programm ta’ sitt ġimgħat u tiġi ddixxiplinat. Inti magħna tieħu l-istruzzjonijiet anke meta ma tridx. Immaġina int tkun trid tobdi l-istruzzjonijiet xorta meta tkun għajjien, b’nifsek maqtugħ u l-kowċ jgħajjat f’wiċċek u jibqa’ jgħidlek biex tagħmel għaxar push-ups oħra. Trid id-dixxiplina biex iżżomm ma’ dawn l-istruzzjonijiet u ma tmurx tippanċja lura, speċjalment jekk tkun maħruq.
Qed jidħlu wkoll boxers femminili. Huwa kbir u sorprendenti għalik li hawn daqshekk boxers nisa fl-isport f’Malta?
Il-boxing tan-nisa kważi hu popolari daqs il-boxing tal-irġiel. Id-differenza hi kif huma jimmarkitjaw lilhom innifishom. Ħafna mill-bejgħ tal-biljetti jsir bil-ġiri tas-saqajn, ngħidu aħna nkun naf lilek, lil zitek, lil ħija u l-ħbieb tiegħu. Forsi l-kelma mhix timxi daqshekk fil-boxing tan-nisa. Semmejtli lil Mandy Cortis. Hemm ħafna iżjed minn Mandy Cortis. Hemm Claire Ciantar, Diane Schembri, Roanna Ellul…
Però, n-numru li jikkompetu huwa ħafna inqas minn tal-irġiel – le?
Iva, imma trid tara l-aspett tal-isport x’inhu. Normalment hemm sterjotip fuq in-nisa għax ma tantx tara mara li qed tilbes par ingwanti u tilgħab il-boxing. Din il-ħaġa dejjem darrsitna. Imma le, l-isport huwa popolari. Nimmiraw li qed nagħmlu suċċess internazzjonali. Nemmnu li verament nistgħu nagħmlu suċċess biha. L-EBU ma taqbadx u tagħtik post fir-ranking. Trid iġġib l-esperjenza l-ewwel.
Il-league tan-nisa sar popolari dawn l-aħħar sentejn u hija Mandy li kienet l-aktar waħda prominenti għax dik ilha fuq erba’ snin żgur.
X’għajnuna finanzjarja tagħtikom Sport Malta?
Sport Malta tgħinna ħafna. Anke fl-edukazzjoni. Bħala finanzi għadna ma wrejniex interess li nitolbu l-flus. Ir-relazzjoni bejn il-boxing u Sport Malta hija waħda ġdida. Veru laqgħuna b’idejhom miftuħin. Dejjem irrispettajt il-ħin li tawna biex jedukawna anki f’modi amminstrattivi li mingħajr l-għajnuna tagħhom konna nibqgħu lura fil-verità.
X’messaġġ għandek għal min hu mħajjar għall-boxing?
Il-logħob tal-idejn għall-ġellieda qiegħed ġo fih. Kulma jkun jonqos li jagħmel il-pass. Huwa dritt ta’ kull persuna li jżomm ruħu attiv. Tista’ tmur tiġri mal-kelb, tmur tgħum, eċċ. Il-boxing ukoll iżommok attiv. Fil-boxing minn pożizzjoni waħda nistgħu nagħmlu eżerċizzju li bih tibda tħossok tajjeb, u bih tidħol f’familja ġdida. Tista’ tipprattikah b’mod differenti quddiem in-nies. Tista’ tasal tirrappreżenta lil pajjiżek b’mod kompettitiv. Mhux bilfors tkun ġellied. Tista,’ pereżempju, tkun kowċ. Jien, pereżempju, wara li kelli l-inċident, ma stajtx niġġieled aktar u llum spiċċajt nagħti daqqa t’id f’affarijiet amministrattivi, leadership, guidance u referee. Inti tista’ tagħżel ukoll li tkun bħali.