Fid-dawl ta’ aktar ġlied fil-Gwerra fil-Lvant Nofsani, Franza talbet għal waqfien mill-ġlied fl-immedjat hekk kif sostniet li tinsab imħassba ferm bis-sitwazzjoni f’Gaza.
Dan intqal mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Franza, Catherine Colonna li rreferiet għall-fatt li qed jinħasdu wisq ħajjiet f’din il-gwerra.
Minn naħa l-oħra, mhux tal-istess fehma huwa l-kontroparti tagħha Iżraeljan, Eli Cohen li ddikkjara kif waqfien mill-ġlied ikun rigal għall-Hamas.
Il-Ministru Franċiż għamlet din id-dikjarazzjoni qabel ma żaret Tel Aviv fejn iltaqgħet mal-Ministru Iżraeljan.
It-talbiet ta’ Franza jingħaqdu ma’ dak li diġà ddikkjaraw ir-Renju Unit u l-Ġermanja li iżda talbu għal dak li rreferew għalih bħala waqfien mill-ġlied b’mod sostenibbli. Minkejja d-dikjarazzjoni tagħhom dawn iż-żewġ pajjiżi Ewropej, m’għamlux referenza li l-waqfien mill-ġlied għandu jkun fl-immedjat.