Il-President ta’ Malta George Vella fakkar l-49 sena minn Jum ir-Repubblika waqt okkażjoni f’Għawdex.
F’diskors tal-okkażjoni, il-President Vella tenna l-appell biex bħala pajjiż nitgħallmu nħarsu lil hinn mill-pika politika, inkella se jeħel il-pajjiż.
Huwa qal dan hekk kif pajjiżna jinsab tliet xhur u nofs mill-ħatra ta’ President li jmiss, hekk kif skont riformi li saru riċentament, il-President tar-Repubblika li jmiss irid iġib maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament.
F’dan id-diskors, il-President Vella tenna li żbaljat min jaħseb li f’pajjiżna ma fadal xejn tajjeb u li aħna poplu mifrud, iżda sostna li dejjem hemm x’ jitjieb.
“Jien nieħu gost nara ħafna żgħażagħ fil-ħajja politika”, qal il-President waqt li esprima tħassib li ħafna talent qed jitgerrex minħabba l-mod partiġġan estrem li bih qed titmexxa l-politika. Tenna li wasal iż-żmien li nibdew ngħallmu x’inhi u xi tfisser il-politika bħala arti u bħala xjenza, mgħallma bħala suġġett ma’ suġġetti oħra li jgħinu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna.
Dwar il-gwerer viċin tagħna, il-President Vella qal li l-istatus newtrali ta’ Malta ma fixkilx biex pajjiżna ħadem kif ħadem u ta kontribut mhux żgħir fiż-żewġ ċirkostanzi inkwetanti ħafna li esperjenzajna u għadna għaddejjin minnhom; l-invażjoni għall-ebda raġuni tal-Ukrajna mir-Russja, u l-ġlied li għaddej bejn Iżrael u l-Ħamas.
Il-President tenna l-kundanna bla ebda riżerva għall-qtil ta’ nies innoċenti, jagħmlu min jagħmlu, u għamel talba sinċiera biex min bħalissa għandu s-saħħa f’idejh, iwaqqaf il-massakru li għaddej ta’ nies innoċenti, b’mod partikolari tfal.
Fi tmiem id-diskors il-President stieden lill-Għawdxin biex jingħaqdu miegħu nhar L-Istrina, l-għada tal-Milied, waqt li se jkun qed iżur Għawdex.