Wara d-draw diżappuntanti ta’ 1-1 kontra Gudja United, Birkirkara rritornaw għar-rebħ meta għamlu dan b’mod drammatiku, hekk kif għelbu lil Gżira United bl-iskor ta’ 3-2.
Kienu Bikrirkara li fetħu l-iskor proprju fil-11-il minuta meta Andrei Ciolacu għadda tajjeb lejn Maxuell Maia li minn pożizzjoni ideali tefa’ ġewwa. Gzira wieġbu fis-36 minuta meta Thaylor Aldama kellu xutt angulat fil-baxx minn ġol-kaxxa li ntemm ftit barra.
Huma komplew jippressaw u fil-45 minuta, wara li rċieva minn cross mil-lemin, Lucas Macula, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi ftit għoli biex sal-mistrieħ Birkirkara daħlu jistrieħu b’goal vantaġġ.
Fl-54 minuta xutt mid-distanza ta’ Ali Diakite għal Birkirkara għadda ftit barra. L-istripes komplew fuq l-offensiva u fis-67 minuta rduppjaw l-iskor meta kuntrarju għall-azzjoni li wasslet għall-ewwel goal, din id-darba kien Maxuell Maia li pprovda l-assist lil Andrei Ciolacu li avvanza tajjeb u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa.
Iżda Gzira ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni mmedjata u ta’ dan ġew ippremjati meta żewġ minuti biss wara naqqsu l-marġni tal-iskor meta Lucas Macula tefa l-ballun wara l-goalkeeper Pollakk tal-Istripes, Marcel Zapytwoski, li nqabad barra minn postu.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fis-86 minuta ġabu l-iskor indaqs meta Lucas Macula xeħet cross għan-nofs b’Jovan Pajovic fit-tentattiv li jinterċetta l-ballun, jitfa’ l-ballun fil-lasta tiegħu stess, biex b’hekk irriżulta auto-goal sfortunat.
Kulma jmur kompla d-dominju ta’ Gzira, u fit-88 minuta, Lucas Macula xeħet cross lejn Hytem Kabar li kellu x-xutt tiegħu devjat f’corner minn Zapytowski.
Iżda kien għad fadal iktar drama fil-partita meta fil-ħin miżjud, u kontra x-xejra tal-logħob, Birkirjara skorjaw il-goal tar-rebħa meta Ali Diakite avvanza tajjeb fil-kaxxa u b’xamma kbira għal goal tefa’ ġewwa.
Referee: Andrea Schriha
BOV Plejer tal-Logħba: Andrei Ciolacu (Birkirkara FC)