Sbatax-il-persuna ġew onorati għall-ħidma tagħhom f’diversi oqsma f’Jum ir-Repubblika, waqt iċ-Ċerimonja ta’ Investitura ta’ Ġieħ ir-Repubblika fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli ingħatat l-ogħla unur li jista’ jagħti l-istat Malti f’għeluq id-disgħa u erbgħin sena ta’ Malta Repubblika. Hija ngħatat il-grad ta’ Kumpann fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.
Il-Professur Edward John Despott u il-Professur Stanley Fiorini ġew rikonoxxuti bil-grad ta’ Uffiċjal fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.
F’din iċ-ċerimonja ngħataw erba’ midalji ta’ Membru fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu. Dawn ingħataw lis-Sur George Borg, lis-Sur Anton B. Dougall, lid-dott Ruth Farrugia u lill-Kap tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija Dott Robert G. Xuereb.
Dan filwaqt li għaxar persuni oħra ngħataw midalja għall-Qadi tar-Repubblika, fosthom l-eks Membru Parlamentari Silvio Parnis li ħalla din id-dinja ftit tax-xhur ilu u l-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia.
Irċievew ukoll din il-midalja, l-għannej is-Sur Frans Baldacchino magħruf aħjar bħala l-Budaj, wara mewtu, is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg, is-Sur Dominic Cutajar wara mewtu, is-Sur John Gafa, is-Sinjura Pamela Muscat, is-Sinjura Esther Sant, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsill Lokali Malta u l-atleti Maltin li ħadu sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, il-GSSE 2023.
Intant qabel din iċ-ċerimonja, Pjazza San Ġorġ kienet mimlija sa ruħ ommha minn folla kbira ta’ nies li attendew biex isegwu l-parata ta’ Jum ir-Repubblika.
L-ewwel li wasal kien il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Clinton O’Neill.
Wara wasal il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien ma’ martu Lydia u hawnhekk indaqqu l-ewwel noti tal-Innu Malti.
Imbagħad wasal il-President ta’ Malta, George Vella flimkien ma’ martu is-Sinjura Miram Vella. Hawnhekk indaqq l-innu Malti u ġiet spezzjonata l-gwardja tal-unur filwaqt li ngħata s-salut nazzjonali.
Wara segwiet il-parata, bis-sehem tal-banda tal-Forzi Armati.