L-anzjani tal-Marsa se jkunu qegħdin igawdu minn Ċentru ta’ Matul il-Jum ġdid li ġie inawgurat mill-Prim Ministru Robert Abela flimkien mas-Sindku tal-Lokal Josef Azzopardi u l-kunsillieri.
Bl-investiment f’dan iċ-Ċentru, ko-finanzjat minn fondi tan-Norveġja, bidel sala li ma kinitx qegħda tintuża biex issa ser tkun qiegħda tippromwovi anzjanità attiva.
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li ma hemmx komunitajiet b’saħħithom jekk ma jkunux inklużivi u ma hemmx komunitajiet ġusti jekk ma jieħdux ħsieb il-ħtiġijiet ta’ kulħadd.
B’dan il-proġett mill-Kunsill Lokali tal-Marsa u oħrajn bħalu, fi kliem il-Prim Ministru Robert Abela, għandhom valur kbir għal dawk li ser jibbenefikaw minnu.
Fil-fatt, il-Prim Ministru tenna kif il-proġett jippromwovi wkoll l-anzjanità attiva li hija fiċ-ċentru tal-politika ta’ dan il-Gvern filwaqt li elenka numru ta’ proġetti oħrajn b’dan l-istess prinċipju. Semma fost oħrajn kif fl-aħħar ġimgħat infetħu ċentri ta’ dan it-tip fl-ibliet tal-Kottonera. Dan filwaqt li fil-Baġit żdiedu l-pensjonijiet u l-għotja lill-anzjani li jibqgħu jgħixu fil-komunità.
Il-Prim Ministru żied jgħid li lill-anzjani, il-Gvern, irid ikompli jtaffilhom il-piżijiet fosthom b’aktar mediċini mogħtija mingħajr ħlas, u kura aqwa fil-komunità, flimkien ma’ komunitajiet iktar siguri.
Il-Prim Ministru kkonkluda li l-anzjani sawru lil dan il-pajjiż u bnewh mix-xejn b’ħidmiethom u tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jibni fuq dak li għamlu flimkien magħhom.
Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Lokal Josef Azzopardi, rrefera għal dan il-proġett bħala ħolma li saret realtà għar-residenti Marsin hekk kif iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ser ikun qiegħed jintuża wkoll, fost oħrajn, għal korsijiet edukattivi mhux biss għall-anzjani iżda wkoll għall-adulti u għat-tfal.
Qal, “Bid-Day Care Centre, l-anzjan se jkollu fejn imur. Se jkollu fejn imur biex ma jkunx waħdu. Ħafna drabi l-anzjani jispiċċaw waħedhom id-dar u issa se jkollhom iċ-ċans jiġu ġol Kunsill, binja fil-qalba tal-Marsa, binja li issa moderna u attrezzata bil-kompjuters, għandna wkoll il-projector, jistgħu jaraw xi film u affarijiet oħra, li fl-aħħar mill-aħħar jhedew u jimlew il-ħin ta’ filgħodu u fl-istess ħin jitgħallmu wkoll.”
Azzopardi tenna wkoll l-importanza ta’ dan il-proġett u kif jikkumplimenta oħrajn li saru favur l-anzjani.
Stqarr, “Dan huwa t-tieni naħseb l-ikbar proġett li saru għall-anzjani f’din il-leġiżlatura għaliex sena ilu nedejna l-vann għall-anzjani u għamel ġid kbir għaliex is-servizz ftaħnih mit-Tnejn sas-Sibt u issa bid-Day Care Centre l-anzjan se jkollu fejn imur.”
Intant, spikkaw il-kummenti pożittivi tal-anzjani li se jkunu qed jintlaqtu direttament u b’mod pożittiv minn dan l-investiment.
“Nilqgħuh b’sodisfazzjon kbir għaliex qatt ma kellna xejn u għandna fejn imorru. Għax jew trid tmur il-Ħamrun, jew trid tmur Santa Venera u hekk għandna ċ-ċentru tagħna.”
“Għaqqad ħafna lill-anzjani, għaqqadna ħafna, u għandek oħra hawnhekk. Għamlilna l-labour office ukoll hawn jiġifieri ma noqgħodux immorru l-Ħamrun qed tifhem. Kemm ninżlu hawn u ninqdew minn kollox.”