L-Avukat Stephen Tonna Lowell iddeskriva l-emendi fil-liġi dwar sekwestri u ffriżar ta’ assi personali meta jitqajmu suspetti raġjonevoli dwar illegalità finanzjarja, li tressqu fil-Parlament it-Tnejn mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard huma pass fid-direzzjoni t-tajba.
F’opinjoni fuq it-Times fil-ħarġa tat-Tlieta, bit-titlu ‘Fight crime proportionately’, Tonna Lowell tenna li l-inizjattiva ċara tal-Gvern hi importanti biex tissalvagwardja l-għodod kollha kontra r-reati finanzjarji.
Fl-istess ħin, l-Avukat, li għandu esperjenza vasta fil-Qorti Kriminali, qal li b’hekk ukoll jibqa’ jitħares il-prinċipju fundamentali ta’ proporzjonalità, anke mad-drittijiet tal-bniedem sa ma persuna tkun għaddejja minn proċeduri kriminali u tkun għadha meqjusa innoċenti sakemm tinstab ħatja.
Dr Tonna Lowell qal li l-applikazzjoni tal-liġi kriminali għandha tkun bl-ingwanti biex jiġu rispettati wkoll id-drittijiet umani bi proporzjonalità mal-interess pubbliku fuq in-naħa l-oħra.
Saħaq li n-nuqqas ta’ dan il-bilanċ hu primarjament ir-raġun ewlenija għalxiex pajjiżi individwali jinstabu ħatja mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu.
L-Avukat enfasizza li l-Att għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus, li ddaħħal fl-1994, ġie emendat xejn inqas minn 27 darba, ħafna drabi biex jintlaħqu l-obbligi internazzjonali ta’ pajjiżna. U waqt li, fil-maġġoranza dawn kienu sforzati, kien hemm xi okkażjonijiet fejn leġiżlaturi entużjasti żżejjed tilfu l-perspettiva tal-prinċipju tal-proporzjonalità u l-bilanċ.
Kompla jgħid li s-sitwazzjoni attwali fil-proċeduri legali tagħna dwar reati finanzjarji sfortunatament mhux tirrifletti dan il-prinċipju kardinali, għaldaqstant qabel ma’ dak li qed jiġi propost mill-Ministru Attard.
L-emendi quddiem il-Parlament dwar sekwestri, iffriżar jew rikavar ta’ assi minn reati kriminali għandhom fil-fatt l-għan li jintlaħaq tali bilanċ ġust.
Tonna Lowell semma kif, sal-lum, l-assi kollha jiġu ffriżati irrelevanti jekk għandhomx konnessjoni mar-reat inkwistjoni jew le u dan b’dannu għal terzi, inkluż qraba u ħaddiema f’postijiet tax-xogħol. Qal li kien hemm każi fejn il-Prosekuzzjoni tinsisti fuq ordni ta’ ffriżar meta lanqas ikun hemm prova ta’ dħul minn kriminalità.
Fost l-oħrajn, l-emendi jesiġu li jitnaqqas il-perjodu tal-validità tal-ordni ta’ sekwestru bin-nofs għal terminu wieħed ta’ sitt xhur, waqt li fil-każ ta’ ffriżar ta’ assi għandu jiġi determinat liema proprjetajiet jew ammonti ta’ flus għandhom jidħlu fl-ordni maħruġa mill-Qorti.