“L-Arċisqof ta’ Malta biddel il-Fondazzjoni tal-Abbazia di Sant Antonio delli Navarra f’menu à la carte u ħalla r-riedni tal-assi tal-fondazzjoni f’idejn spekulaturi u avukati bla kuxjenza, li jridu iżjed minn dak li diġà għandhom u jmexxu bi stil fewdali.”
Dan sostnietu familja mill-Qala mal-gazzetta Maltatoday wara li ġiet ordnata tiżgombra minn art tal-fondazzjoni, li fuqha l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna kellu d-dritt jaħtar amministratur li, iżda, imbagħad ċeda r-riedni b’mod assolut f’idejn l-Avukat Patrick Valentino għas-somma ta’ darba ta’ €200,000.
Fl-aħħar appell mill-familja milquta lill-Arċisqof biex jintervjeni u jsewwi dik meqjusa bħala ħsara li għamel b’deċiżjoni li ħa fuq il-ħatra ta’ Rettur tal-Fondazzjoni, intqal li Monsinjur Scicluna għandu jneħħi lil Valentino, bħala amministratur, bl-istess setgħa li kellu biex poġġih fil-kariga.
“Mhux biss għandu d-dmir jagħmel hekk, imma għandu obbligu morali”, saħqet il-familja mill-Qala, li issa spiċċat b’ta’ fuqha senduqha u mistennija ddaħħal appell minn din id-deċiżjoni li ġabet ir-reazzjonijiet ta’ bosta, anke għax hemm bosta familji oħrajn, partikolarment fil-Qala stess u n-Nadur, f’Għawdex, li jistgħu jispiċċaw bl-istess destin.
Mal-ġurnalist Matthew Vella, il-familja saħqet li r-rinunzja li għamel l-Arċisqof kienet deċiżjoni żbaljata, għax tat il-kontroll lill-Avukat Valentino li qed iħallih sempliċiment jgħaddi l-artijiet tal-Abbazia b’mod perpetwu lill-kumpanija Caravan, li fiha hemm l-eks Maġistrat Dennis Montebello, l-Avukat Carmel Galea u l-familja Stagno Navarra, meqjusa bħala l-eredi ta’ Cosmana Cumbo Stagno Navarra, il-mara nobbli li waqqfet il-fondazzjoni.
Fuq din il-kwistjoni, anke l-Prim Ministru tkellem b’mod ċar u sod favur ir-residenti u kontra dawk li sejħilhom bħala ħniżrijiet minn min fetaħ proċeduri għas-skapitù taż-żgħir.
Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof Scicluna kien qal li ma kienx jaf li l-art se tiġi żviluppata qabel ħa d-deċiżjoni li jirrinunzja d-drittijiet tal-Arċidjoċesi fuq il-fondazzjoni li tamministra l-artijiet.
Monsinjur Scicluna kien anke ffaċċjat bi protesta b’kartelluni barra l-Kurja fil-Floriana.
Bil-kartelluni jaqraw ‘Ir-Ragħaj Tefgħana f’Ħalq l-Ilpup’, ‘Tradiena’ u referenzi li l-Arċisqof biegħ l-interessi tan-nies għal mitejn elf ewro, numru ta’ nies kienu wrew l-għadab tagħhom għad-deċiżjoni tal-Arċisqof.
S’issa l-Arċidjoċesi kkummentat biss b’sempliċi risposta b’imejl wara li kien dan l-istazzjon li staqsa l-mistoqsijiet u l-Isqof Awżiljaru Joseph Galea-Curmi ma riedx iwieġeb fuq il-mikrofonu ta’ ONE News.
Ġurnalist: “Il-Kurja għadha tgħid li ma kinitx taf li se tiġi żviluppata din l-art?”
Isqof Joseph Galea-Curmi: Ibgħatu l-mistoqsijiet lill-uffiċju tal-midja u jkollkom ir-risposti.
Ġurnalist: “M’għandekx xi tgħidilhom, Eċċellenza, lil dawn il-familji li f’dan iż-żmien festiv jinsabu b’dan l-inkwiet fuq rashom?”
Isqof Joseph Galea-Curmi: “Qed ngħid lilek jien, mhux lill-familji.”
Ġurnalist: “Il-familji fl-aħħar mill-aħħar ħa jiġu affettwati, bħala ġurnalist għandi kull dritt nagħmillek il-mistoqsija.”
Isqof Joseph Galea-Curmi: “Mela, bħala ġurnalist, għandek tistaqsi però ibgħathom fil-ħin tajjeb biex ikollok risposta tajba. Ibgħathom lill-uffiċċju tal-midja.”
B’imejl, l-Arċidjoċesi wieġbet prattikament biss li tempatizza mal-familji u warrbet għal kollox mistoqsijiet dwar x’biħsiebha tagħmel biex tirrimedaja għas-sitwazzjoni.
Min-naħa l-oħra f’omelija, li għamel nhar il-Kunċizzjoni, l-Isqof t’Għawdex kien ċar ħafna fi kliemu.
“L-isfida tagħna hi li qabel ma niddeċiedi, qabel ma naġixxi, nistaqsi u ngħid mhux dak li jaqbilli biss, imma lill-oħrajn kif se nolqothom, lill-oħrajn kif se nweġġagħhom.”