It-tim Malti tal-cross-country ħalla Malta għal Brussell fejn se jkun qed jikkompeti fid-29 edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew ta’ din id-dixxiplina nhar il-Ħadd 10 ta’ Diċembru.
Malta se tkun irrappreżenta minn Luke Micallef, Charlton Debono u Shaun Galea fil-kategorija tal-irġiel kif ukoll minn Lisa Bezzina u Rachel Borg f’dik tan-nisa. Micallef u Bezzina x-xahar li għadda ħarġu rebbieħa fil-kampjonat nazzjonali organizzat minn Athletics Malta f’din id-dixxiplina f’tellieqa li saret fil-Marsa.
David Borg se jkun qed jikkompeti fil-kompetizzjoni riservata għal żgħażagħ ta’ taħt it-23 sena filwaqt li l-iżgħar atleta fil-kontinġent, Gabriel Farrugia, se jikkompeti f’dik ta’ taħt l-20 sena, wara li dawn iż-żewġ atleti wkoll rebħu l-kampjonat nazzjonali Malti fl-etajiet rispettivi.
Huma se jkunu qed itellqu fil-Park ta’ Laeken, ma’ uħud mill-aqwa atleti Ewropej mhux biss f’din id-dixxiplina iżda anke fl-atletika ġenerali, fosthom it-Taljani Yemaneberhan Crippa u Nadia Battocletti u l-Belġjan Isaac Kimeli.
It-tellieqa fil-kategorija tal-kbar se tkun fuq rotta ta’ 9km, filwaqt li l-atleti tal-Under 23 u Under 20 jikkompetu fuq 7km u 5km rispettivament.
Id-Delegazzjoni Maltija se titmexxa minn Vince Farrugia, membru tal-Kunsill ta’ Athletics Malta fil-preżenza tal-kowċ Gerald Grech.
Il-parteċipazzjoni Maltija f’dan il-Kampjonat Ewropew hi possibbli bl-għajnuna ta’ Sport Malta u l-Kumitat Olimpiku Malti.