F’intervista fuq One Radio, il-Prim Ministru fakkar li dan il-Gvern dawwar ir-rotta tal-Enemalta biex minn waħda falluta b’aktar minn €800 miljun dejn, illum id-dejn inqata’ bin-nofs. Dan id-dejn kien mażra għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-Mexxej Laburista saħaq li l-pjan tal-enerġija wassal għall-kontijiet orħos, u stqarr li kien jiġri bil-maqlub li kieku tela’ fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista, hekk kif l-unika pjan li kellu biex tkun salvata l-Enemalta kien li jerġgħu jgħolew il-kontijiet.
Joseph Muscat spjega li fil-bidu tal-kampanja elettorali qabel l-elezzjoni tal-2013 huwa kien iltaqa’ mal-ħaddiema tal-Enemalta li miegħu kienu stqarrew li kienu jħossu li l-post tax-xogħol kien mhedded, illum il-ħaddiema huma kuntenti, jafu li l-kumpanija llum hija safe u li qed tagħmel il-qligħ u li l-post tax-xogħol tagħhom huwa assigurat.
Irrefera għar-rapport ta’ Standard & Poor’s li jfaħħar l-Enemalta u li huwa importanti għall-banek u istituzzjonijiet oħra għax juri fiduċja. Il-Prim Ministru saħaq li fih kien identifikat periklu wieħed li għandha quddiemha din il-kumpanija. Dik li jkun hemm xi ħadd li jbiddel il-policy li fuqha miexja bħalissa l-kumpanija, li jkun hemm xi ħadd li jbiddel il-business model jew il-mod kif dan il-Gvern qed jimxi bħalissa.
Ir-referenza li qed jagħmlu, spjega l-Prim Ministru, hija għal Simon Busuttil li dawn l-analisti rawh jagħmel xenata fil-Parlament, fejn qatta’ kuntratt.
Dawn huma affarijiet li jiġru f’pajjiżi tat-tielet dinja, qal Muscat. Simon Busuttil tefa’ marka kerha fuq il-kredenzjali tal-business tiegħu, spjega l-Prim Ministru filwaqt li tenna li huwa jagħmel kuraġġ lin-negozji u jgħidilhom li Malta tibqa’ miftuħa.
Kien hemm kuntratti li kienu pastażata u li xtaqt inqatta’, imma għandi responsabbilitajiet x’inġorr, li toqgħod tqatta’ l-kuntratti biex turi li taparsi b’saħħtek huma xenati tar-reality shows, sostna Joseph Muscat.
Kien hemm u hemm kuntratti, anke li saru ma’ kuntratturi qrib il-Partit Nazzjonalista li għandi riservi fuqhom u minkejja li jkunu ħafna li jgħiduli biex inwaqqafhom għax kienu saru mal-Gvern preċedenti, jien irid nara li nżomm il-kelma għax jekk le, ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna se tmur l-agħar.
Li tinxtered il-kelma mal-investituri li f’pajjiżna hawn Gvern li ma jżommx kelmtu tispiċċa toħloq ċirku vizzjuż li jwassal għall-problemi ta’ ħolqien tax-xogħol, żidiet fit-taxxi u għalhekk hija responsabbiltà li nara li pajjiżna jiġi l-ewwel. Min ma jifhimx dan il-prinċipju allura mhux lest li jmexxi lill-pajjiż, stqarr il-Mexxej tal-Partit Laburista.
Il-poplu jrid jagħżel jekk jikkuntentax biss li jissolvew il-problemi jew inkella li pajjiżna jkun world-class
Dr Muscat tkellem dwar ir-rapporti ekonomiċi li ħarġu dwar pajjiżna u stqarr li huwa jemmen lin-nies qed iħossu d-differenza, qed iħossu li l-ekonomija miexja ‘l quddiem, li min għandu ħanut jaf li hawn aktar flus fl-idejn, li min jinqeda l-isptar jaf li m’għadx hawn mediċini out of stock u li naqsu l-listi ta’ stennija għall-operazzjoniijiet, li min joħroġ jaħdem jaf li jista’ jieħu lil uliedu f’childcare, li fl-edukazzjoni qed inqassmu t-tablets fost mizuri oħra, li żdiedu l-pensjonijiet, li fit-turizmu inkisbu rizultati f’dawn l-aħħar erba’ snin li ħaddieħor ħa 20 sena biex kiseb, dan kollu għax ittieħdu d-deċiżjonijiet, sostna l-Prim Ministru.
In-nies jirikonoxxu t-tajjeb li sar u jsir, iżda d-differenza fl-attitudni bejn il-Partiti hija li meta jiġi xi ħadd jitkellem ma jgħidlux irringrazzja l-Alla li għandek is-servizz, iżda jgħidlu li għandu raġun li jitlob iżjed, bħal ma hi ż-żieda fil-pagi u jaħdem biex din tingħata, qal il-Mexxej Laburista. Aħna dejjem għatxana li nkomplu niksbu aktar u dak li sar s’issa huwa biss il-ġebla tax-xewka għall-proġett li għad iridu nagħmlu kemm il-darba nerġgħu ningħataw il-fiduċja. Il-poplu jrid jagħżel iżda jekk jikkuntentax biss li jissolvew il-problemi, jew inkella mhux biss li nkunu l-aqwa fl-Ewropa, kif iċ-ċifri bħalissa qed juru li aħna, iżda li nkunu l-aqwa fid-dinja, li nkunu world-class, dik hija l-aspirazzjoni, stqarr Joseph Muscat.
Il-mod kif jaħdem u jirraġuna Simon Busuttil se jwassal biex tieqaf l-ekonomija
Joseph Muscat stqarr li l-mod kif jaħseb u jirraġuna l-Kap tal-Oppożizzjoni se jwassal biex tieqaf l-ekonomija, li nerġgħu lura għaż-żieda fit-taxxi, żieda fil-kontijiet, għax huwa jurik id-debba u jqabbżek il-ħmara. Dan il-Gvern qed jara kif iqassam il-ġid, iżda jekk tinbidel id-direzzjoni se jerġa’ jiġri bħal qabel u l-flus imorru għand l-istess erbgħa min-nies.
Dr Muscat għamel referenza għall-kritika ta’ Simon Busuttil li qal liċ-ċifri dwar ix-xogħol u l-qgħad mhumiex vera, qed imeri s-sewwa magħruf. Dawn huma ċifri li toħroġħom il-Eurostat. Ejja ma naqblux fuq l-argumenti politiċi u l-policies, imma ma tistax tgħid li dawn iċ-ċifri mhux vera, minkejja li qed jagħmilna pjaċir meta jagħmel dan, temm jgħid Joseph Muscat.