Filwaqt li ssokta l-ġlied fil-Lvant Nofsani, l-uffiċjali tal-Ġnus Magħquda qalu kif nofs il-popolazzjoni f’Gaza qed tbati l-ġuħ.
Rapporti qed jgħidu li l-għajnuna umanitarja mhux qed tasal għand dawk verament fil-bżonn. Fil-fatt intqal li 9 minn 10 persuni f’Gaza mhux qed isibu x’jieklu kuljum.
Il-kundizzjonijiet inumani li qed iħallu l-bumbardamenti tal-militar Iżraeljan, qed jagħmluha wkoll impossibbli biex it-trakkijiet bl-għajnuna jaslu mal-medda kolla ta’ Gaza.
Sadanittant, Iżrael baqa’ javża lin-nies ċivili sabiex jevakwaw minn Gaza ħalli ma jsibux ruħhom f’nofs il-ġlied.
F’intervisti li qed jagħtu xi Palestinjani lill-midja internazzjonali preżenti f’Gaza, qed joħroġ ċar it-terrur li għaddejjin minnu dawk maqbuda, bi tfal imutu bl-addoċċ il-ħin kollu.
Fl-aħħar ġimgħat, fosthom anke fil-Ġnus Magħquda saru bosta sforzi għall-waqfien mill-ġlied, iżda minkejja kull appell, Iżrael qal li xorta se jibqa’ jattakka mill-ajru biex jelimina l-Hamas u jieħu l-ostaġġi lura lejn pajjiżu.
L-aħħar ċifri mindu bdiet din il-gwerra, juru li nqatlu 17,700 Palestinjan, b’aktar minn 7,000 minnhom huma tfal.