Goal kmieni fil-partita kien biżżejjed biex Sliema Wanderers jegħlbu lil Balzan u jitilgħu waħedhom fit-tielet post tal-klassifika, waqt li għal Balzan kienet wirja ferm negattiva li fiha wrew nuqqasijiet kbar tant li rari mpenjaw lill-goalkeeper Slimiz Al Tumi.
Sliema damu biss erba’ minuti biex skurjaw il-goal deċiżiv meta Samuel Gomes Da Mata approfitta minn clearance qasira tad-difiża u b’xutt minn tarf il-kaxxa għeleb lill-goalkeeper Golovic bil-ballun jaħbat ma’ sieq il-lasta qabel spiċċa fix-xibka.
Balzan ippruvaw iwettqu reazzjoni u saħansitra skurjaw fl-10 minuta permezz ta’ Ryohei Michibuchi imma dan ġie ssenjalat li kien f’pożizzjoni ta’ offside mill-assistant referee.
L-istess Michibuchi seta’ skorja fid-19-il minuta imma temm azzjoni personali b’xutt li spiċċa għoli.
Fit-30 minuta Sliema kellhom freekick mogħti minn Neil Frendo li ġie salvat tajjeb minn Golovic, waqt li fil-41 minuta reġa’ kien Golovic li mblokka tentattivi ta’ Acheampong u Agius.
Fit-tieni taqsima, wieħed kien jistenna xi forma ta’ reazzjoni minn Balzan għall-iżvantaġġ li kellhom, imma fil-fatt huma ddiżappuntaw bil-kbir tant li qatt ma mpenjaw serjament lill-goaler Slimiz Rashed Al Tumi.
Fil-fatt kienu Sliema li setgħu kabbru l-vantaġġ meta ħolqu xi azzjonijiet perikolużi.
Fis-56 minuta Golovic imblokka xutt ta’ Vito Plut, filwaqt li fl-64 minuta Kouao ixxuttja għoli minn qagħda tajba.
Fil-71 minuta reġa’ kien Plut li ttanta xortiħ b’xutt b’saħħtu li Golovic interċetta tajjeb.
Referee: Glenn Tonna
BOV Plejer tal-Logħba: Gustavo Alcino (Sliema W.)