Minn Marzu tal-elfejn tnejn u għoxrin sal-lum, mitejn u ħamsin familja ngħatawlhom iċ-ċwievet sabiex jidħlu jgħixu f’postijiet tal-akkomodazzjoni soċjali.
Dan bħala parti mill-ikbar proġett ta’ housing soċjali f’pajjiżna fl-aħħar erbgħin sena, b’investiment ta’ mija u għaxar miljun ewro.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes waqt li kien qiegħed jiġi intervista fuq ir-radju tal-Knisja.
Qal, “Bejn Marzu 2022 sal-lum ġew allokati mitejn u ħamsin proprjetà oħra, issa se nallokaw dawk li se jkun ħa jidħlu. Aħna li qed nagħmlu huwa li naraw l-matching tal-persuna fejn tkun u x’għandha bżonn, naraw l-appartament li jkun ideali għaliha, hemm il-bord tal-Awtorità”.
Il-Ministru Galdes qal li l-Gvern qiegħed jimmassizza r-riżorsi li għandu fejn anke qed isiru spezzjonijiet u moniteraġġ sabiex persuni li jkunu qed jokkupaw post tal-Gvern jgħaddu minn għarbiel riġoruż biex jiġi assigurat li dawn il-postijiet tal-Gvern jingħataw lil min vera għandu bżonn.
Fl-istess intervista, il-Ministru Galdes spjega li bil-ħemel ta’ miżuri u skemi soċjali li ħareġ u li ġew imsaħħa mill-Gvern, mija u ħamsin persuna li kienu qegħdin fuq il-lista ta’ stennija sabiex jidħlu jgħixu f’postijiet tal-akkomodazzjoni soċjali xtraw propjetà.
Qal, “Meta konna qed naraw il-waiting list tal-Awtorità tad-Djar, interessanti. Bl-iskemi li għamilna kellna mija u ħamsin persuna li kienu fuq il-waiting list li dawn xtraw propjetà. Jiġifiri dawn xi darba kienu fi problemi soċjali kbar. Permezz tal-għajnuniet li tajna, fejn daħħalna l-in-work benefit, daħħalna miżuri soċjali irnexxilhom jinqalgħu mix-xibka soċjali li kellhom bżonn l-għajnuna tal-istat.”
Il-Ministru tkellem ukoll fuq l-aħħar xogħlijiet fuq il-blokka ta’ housing soċjali fiż-żona Taċ-Ċawla fir-Rabat, Għawdex, b’investiment ta’ €1.2 miljun.
Hawn tkellem ukoll fuq il-lista ta’ stennija li hemm f’Għawdex, li hija waħda zero.
Qal, “Għawdex, il-waiting list hija zero, għaliex irnexxielna mhux biss nittulizaw l-ispazji li għandna imma krejna mingħand il-privat. Illum il-ġurnata kull minn tela’ biex imur jgħix Għawdex, jew inkella qiegħed Għawdex ma għandhomx problema ta’ akkomodazzjoni soċjali għax kollha ngħataw allokazzjoni.”
Il-Ministru żied jgħid li l-Awtorita tad-Djar għandha statistika b’saħħitha li turi li ħamsin fil-mija tal-first-time buyers qed jixtru propjetà waħedhom. Hawn żied jgħid li l-istess statistika miġbura mill-Awtorità tad-Djar turi li pajjiżna għandu l-aktar rata ta’ persuni li huma sidien ta’ darhom fl-Ewropa, fejn elenka wkoll iċ-ċifri li wrew li fl-aħħar għaxar snin, erbgħa u erbgħin elf familja saru sidien ta’ darhom.
Fil-programm, il-Ministru tkellem ukoll dwar l-għajnuna li qed tingħata lill-persuni li jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli.
Qal, “Persuna li tispiċċa homeless. Daħħalna skema li nħallsulu minnufih id-depożitu tal-kera’, inħallsulu l-ewwel kera u anke ngħinuh bis-sussidju. Jiġifiri dan biex mill-ewwel imur jikri b’mod urġenti. Dan prattikament qed natuk ċekk ta’ tlett elef ewro, għajnuniet biex inti timxi u terġa’ tqum fuq saqajk”.