It-tmienja ta’ Diċembru, il-festa ta’ Marija Immakulata.
F’dan il-jum għal qalb il-poplu Bormliż, il-Knisja Kattolika tfakkar it-tnissil ta’ Marija bla dnub tan-nisel. Kien fit-tmienja ta’ Diċembru tal-elf tmien mija erbgħa u ħamsin, meta Papa Piju IX iddefinixxa d-Domma tal-Immakulata.
Wara disat ijiem tan-Novena, il-Ġimgħa filgħodu saret il-quddiesa solenni fil-Knisja Kolleġġjata ta’ Bormla, li kienet ippakkjata bin-nies.
Din il-quddiesa kienet ikkonċelebrata mill-Kanonku Noel Camilleri D’Amato, f’għeluq it-tletin sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali, bil-paniġierku kien minsuġ minn Monsinjur Michael Bugeja.
Il-knisja kienet imlibbsa bl-isbaħ armar bid-damask u xogħlijiet ta’ artiġjanat fid-deheb u l-fidda; u tiddomina mal-ġenb, l-istatwa titulari tal-Madonna, wieqfa fuq is-serp, li jirrappreżenta d-dnub u l-ħażen.
Preżenti għal din il-quddiesa f’Bormla kien hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President ta’ Malta George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela, u bosta membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra.
ONE News tkellem ma’ xi Bormliżi dwar xi jfisser dan il-jum għalihom.