Żona mitluqa f’San Ġwann, inbidlet fi ġnien u spazju miftuħ li jista’ jitgawda mill-komunità, wara xogħlijiet li saru mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u tal-Kunsilli Lokali.
Sabiex sar dan ix-xogħol, kellu jsir disinn ġdid taż-żona biex isir pavimentar komdu għal aċċess aħjar madwar is-siġar eżistenti.
Wara saret sistema ta’ dawl ġdida aktar effiċjenti, u tpoġġew bankijiet u laned taż-żibel ġodda.
Il-ġnien kompla jiħdar b’aktar pjanti u arbuxelli.
Ġnien George Zarb ġie inawgurat mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Sindku ta’ San Ġwann, Trevor Fenech.
Is-Sindku qal li grazzi għal kollaborazzjoni mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-lokalità ta’ San Ġwann għandha ġnien pubbliku ieħor, li huwa aċċessibbli għal kulħadd.
Qal, “Proġett li minn biċċtejn ħamrija u trejqa fin-nofs illum għandna ġnien pubbliku ieħor offrut għan-nies sabiex ukoll dan igawduh ir-residenti kemm tal-madwar kif ukoll tal-lokalità tagħna.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi faħħar il-ħidma li qed issir fil-lokalitajiet biex diversi żoni fil-pajjiż qed jiġu rriġenerati fi spazji miftuħa bil-faċilitajiet li jkollhom bżonn.
Stqarr, “Dan huwa l-mod kif dan id-Dipartiment qed ikun ta’ assistenza għall-Kunsilli Lokali biex nagħmlu interventi ħalli ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.”