Is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Antonio Guterres, bagħat ittra lill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda fejn talab, formalment, lil dan l-ogħla organu biex jaġixxi fis-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta’ Gaza.
F’din l-ittra, Guterres invoka, għall-ewwel darba f’aktar minn tletin sena, l-Artiklu 99 tal-Ġnus Magħquda, fejn għamel appell urġenti biex ikun iddikjarat waqfien mill-ġlied f’Gaza, bejn Iżrael u l-Hamas.
F’ittra lill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, Guterres innota li aktar minn 15,000 persuna nqatlu f’dawn l-aħħar xahrejn fl-Istrixxa ta’ Gaza, miljuni jinsabu mingħajr saqaf fuq rashom u li aktar minn nofs l-isptarijiet li hemm f’Gaza mhumiex joperaw. B’dan kollu jfisser li ma jistax ikun hemm protezzjoni effettivà taċ-ċittadini f’din l-art.
Mal-pożizzjoni ta’ Guterres qabel ukoll ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea, Josef Borrell.
Din il-mozzjoni issa tinsab quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, fejn Malta għandha siġġu mhux permanenti.
Iżrael irreaġixxa għal din l-azzjoni billi qal li s-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda hu kompliċi mal-Hamas u saħansitra talab għar-riżenja tiegħu mill-kariga.
F’nofs ix-xahar li għadda, f’dan l-ogħla organu tal-Ġnus Magħquda, Malta ressqet riżoluzzjoni li ġabet l-approvazzjoni tal-maġġoranza mill-ħmistax-il pajjiż u l-ebda vot kontra.
Din ir-riżoluzzjoni ta’ Malta kellha l-enfasi tagħha biex jiġu protetti l-innoċenti, partikolarment it-tfal, li huma involuti fil-konflitt fil-Lvant Nofsani.
Ir-riżoluzzjoni li ressaq pajjiżna kienet tesiġi għal għajnuna urġenti u kurituri estiżi umanitarji f’Gaza, flimkien mal-ħelsien immedjat ta’ ostaġġi tfal mill-Hamas.