Ix-xahar li għadda, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, l-MIA, irreġistra moviment ta’ kważi ħames mija u tletin elf passiġġier. Dan fisser żieda ta’ aktar minn sebgħa fil-mija, meta mqabbel mal-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija u l-aħħar sena rekord għas-settur turistiku.
Fi stqarrija ntqal li l-aktar jum impenjattiv tax-xahar ta’ Novembru ħabat mal-vaganzi ta’ nofs it-terminu tal-iskejjel, fl-4 ta’ Novembru. Dakinhar għaddew mill-mitjar Malti aktar minn 25,000 passiġġier.
L-Ajruport qal ukoll li d-domanda qawwija għall-ivvjaġġar wasslet għal seat load factor ta’ kważi ħamsa u tmenin fil-mija, li qabeż ukoll il-livelli tal-2019.
Intqal li l-Italja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja żammew posthom bħala l-aktar tlett iswieq popolari.
Is-suq Pollakk ikklassifika mal-aqwa ħamsa għall-Ajruport, hekk kif f’Novembru, tnejn u disgħin fil-mija tal-postijiet disponibbli fuq titjiriet minn seba’ destinazzjonijiet Pollakki kienu mimlijin.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta diġà bassar li se jkun qed jagħlaq is-sena b’rekord ta’ madwar 7.8 miljun passiġġier u n-numri ta’ Novembru jikkonferaw l-irkupru b’saħħtu li kellu pajjiżna din is-sena wara d-daqqa tal-pandemija tliet snin ilu.
Dan anke wara li nhar l-Erbgħa, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li pajjiżna qabeż il-medja Ewropea fit-turisti li żaruna, skont l-aħħar ċifri, waqt li Malta wkoll diġà għandha rekord akbar ta’ turisti minn dak fl-2019.