Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva ħabbar li Dr Alexander Attard inħatar bħala Kummissarju għall-Anzjani u se jibda jokkupa din il-kariga mil-lum.
Dr Attard studja l-mediċina fl-Università ta’ Malta u l-Università ta’ Leeds fir-Renju Unit. Huwa beda jaħdem bħala kirurgu fl-Università ta’ Malta u l-Isptar San Luqa fl-1993. F’dan l-isptar huwa waqqaf iċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trapjanti tal-Kliewi. Dan is-servizz nazzjonali sar awtonomu.
Wara karriera twila fil-kura akuta ta’ mijiet ta pazjenti, bil-maġġor parti tagħhom anzjani, Dr Attard irtira mis-servizz pubbliku aktar kmieni din is-sena u huwa impenjat li jassumi l-irwol sensittiv ta’ Kummissarju għall-persuni anzjani.
Il-Ministru Jo Etienne Abela awgura lil Dr Attard għal din il-kariga ġdida, filwaqt li rringrazzja lill-Professur Godfrey Laferla tax-xogħol siewi tiegħu fil-qadi ta’ dmirijietu f’din il-kariga.