Fl-Italja, eluf attendew il-funeral tal-istudenta ta’ tnejn u għoxrin sena, li l-mewt tagħha xprunat perjodu ta’ riflessjoni nazzjonali fil-pajjiż.
Giulia Cecchettin inqatlet f’Novembru, jiem qabel iggradwat, allegatament mill-eks għarus tagħha, li kien pussessiv fuqha.
Is-servizz tal-funeral, li sar fil-belt ta’ Padua, ġie mxandar b’mod dirett fuq ix-xandir tal-istat.
Il-qtil tagħha ġab miegħu protesti kbar fil-pajjiż, u appelli għal aktar protezzjoni lin-nisa.
L-eks għarus tat-tfajla, Filippo Turetta, allegatament ma setax jaċċetta li l-vittma temmet ir-relazzjoni ta’ bejniethom, u skont rapporti fil-midja, ammetta li qatilha wara li ġie arrestat.
Ir-ritratt tad-desk vojt tat-tfajla fil-jum li suppost iggradwat laqat lil ħafna nisa, li jħossu li l-attitudnijiet patrijarkali għadhom b’saħħithom ħafna.