It-tielet edizjoni ta’ ‘Christmas in the Park’ fil-Park Nazzjonali tas-Salini se jittella’ bejn it-8 u s-17 ta’ Diċembru, b’diversi attivitajiet għall-familja kollha matul il-ġimgħa mill-4:30 ta’ waranofsinhar sat-8:30 ta’ filgħaxija u mill-10:00 ta’ filgħodu sat-8:30 ta’ filgħaxija fi tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi.
L-attività, li fl-aħħar snin attirat għadd kbir ta’ familji, se tara dan il-park mill-isbaħ jinbidel f’villaġġ festiv f’ambjent naturali u atmosfera mill-isbaħ.
Fost l-attivitajiet fil-‘Christmas in the Park’ ta’ din is-sena, li wkoll se jkomplu jippromwovi r-riċiklaġġ, inkluż kif it-tfal jistgħu jagħmlu affarijiet tal-Milied b’affarijiet sostenibbli, jinkludu illuminated pathway, Santa’s Grotto, presepju ħaj, ikel u kant minn artisti rinomati u korijiet tat-tfal.
Il-viżitaturi se jkollhom ukoll l-opportunità jesperjenzaw realtà virtwali bħala parti mill-kampanja nazzjonali ‘Saving Our Blue’.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, spjegat li sa minn etajiet żgħar jeħtieġ li jiddaħħal aktar għarfien biex nibżgħu għall-ambjent madwarna.
“Permezz tal-attivitajiet li se jkollna, b’mod partikolari għat-tfal, irridu niċċelebraw is-sostenibilità, irridu ndaħħlu kuxjenza akbar fost it-tfal tagħna li jistgħu jkunu ambjentalment korretti f’dak li jagħmlu anke f’dawn iż-żminijiet ta’ festi”.
Il-Ministru ħeġġet lill-pubbliku biex jipparteċipa u dan il-Milied jadotta prattiċi sostenibbli. Dawn jinkludu l-użu mill-ġdid tar-wrapping papers, is-separazzjoni tal-iskart u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, fost oħrajn.