Pajjiżna esprima fehmtu fl-istituzzjonijiet Ewropej li mhux jaqbel li titnaqqas l-età tal-liċenzja tas-sewqan tal-karozzi għal 17-il sena, għax id-deċiżjoni tikkontradixxi l-isforzi lokali dwar is-sigurtà, il-konġestjoni u d-dekarbonizzazzjoni.
Dan qalu l-Ministru Aaron Farrugia waqt il-Kunsill tal-Ministri għat-Trasport fi Brussell.
Minkejja li ħafna mill-istati membri l-oħrajn fl-Unjoni Ewropea qed jappoġġjaw il-proposta, li issa se tiġi nnegozjata mal-Parlament Ewropew, Malta ma tatx l-appoġġ tagħha.
Waqt id-diskussjoni dwar it-tnaqqis obbligatorju tal-età tal-liċenzja tas-sewqan, il-Ministru Malti sostna li din id-deċiżjoni għandha tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-istati membri b’mod individwali.
Rigward il-pakkett tas-sigurtà fit-toroq, Malta tilqa’ t-titjib li sar f’dan ir-rigward fejn se jkun hemm skambju ta’ informazzjoni dwar reati tas-sigurtà fit-toroq u miżuri oħrajn bħal tolleranza żero għas-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol u regoli ta’ ttestjar aġġornati, fost oħrajn.
“Malta qed taqbel ma’ ħafna miżuri u bidliet fid-direttivi li qed jimbottaw l-istess aġenda li Malta għandha. Però Malta mhux qed taqbel mad-direttiva li qed tinbidel, b’mod partikolari, dik li tniżżel il-liċenzja tas-sewqan għal 17-il sena, dment li jkunu akkumpanjati minn xi ħadd. Aħna mhux qed naqblu, għax nemmnu li qed nimbottaw iżjed lin-nies biex jużaw it-trasport pubbliku. Allura Malta rreġistrat nuqqas ta’ qbil tagħha f’dik id-direttiva partikolari.”
Waqt il-laqgħa ntlaħaq appoġġ ġenerali fuq seba’ proposti fi ħdan il-pakketti dwar is-sigurtà marittima, il-merkanzija ekoloġika, u s-sigurtà fit-toroq, filwaqt li ddiskuta wkoll emendi għall-waqfien temporanju f’servizzi tat-trasport tal-passiġġieri.
Minbarra hekk, Malta, flimkien mal-Kroazja, Ċipru, il-Greċja, l-Italja, u l-Portugall, tenniet mill-ġdid it-tħassib dwar l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-EU-ETS fuq is-settur marittimu u r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.
F’ittra lill-Kummissarji Šefčovič, Valean u Hoekstra, il-pajjiżi talbu għal miżuri korrettivi urġenti biex jimmitigaw l-effetti negattivi fuq il-portijiet tal-UE u l-ekonomiji tal-istati membri.
Il-Ministru Farrugia enfasizza l-importanza tal-bilanċ fl-ETS tul in-negozjati li għaddejjin. Malta rrikonoxxiet il-konsiderazzjoni tat-tħassib tagħha fil-Pakkett tas-Sigurtà Marittima, u enfasizzat il-ħtieġa li tiġi bbilanċjata l-kompetittività tas-settur tat-tbaħħir tal-UE ma’ settur tat-trasport marittimu sigur u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.