‘Għaqda Għoqda’ hija sensiela televiżiva komika ġdida li se tibda tixxandar fuq ONE, bis-sehem tal-atturi: Renzo Bonello, Stefania Attard Vella, Louis Gatt, Geordie Schembri, Dorian Micallef, Emerson Bonello, Silvio Axisa, Amanda Cachia, u oħrajn.
Minn Jannar li ġej, kull nhar ta’ Ġimgħa fit-8:35pm, ningħaqdu mal-familja Parascandalo u mal-familja Carbonaro biex insegwu l-praspar tagħhom u tal-każin tal-banda tant għal-qalbhom.
Joyce Carbonaro u ħuha Mario Parascandalo jimpikaw wisq u fuq kollox. Il-familji rispettivi tagħhom, sikwiet jispiċċaw vittmi fin-nofs bejn il-pika li teżisti bejn Joyce u Mario.
Robbie Carbonaro, żewġ Joyce, jixtieq jieqfilha imma m’għandux kuraġġ, u binhom Albert mehdi biss biex jintelaq il-każin jew jittanta xi tfajla. Min-naħa l-oħra, iż-żewġ ulied ta’ Mario, Stella u Lucy, ukoll iħallu lil Mario jagħffeġ waħdu għax mehdihin fuq affarijiet oħra. Stella ħsiebha biss fit-talb u kif se tgħin mil-koxxa lill-kappillan tar-raħal, Dun Dion, li dejjem jara kif lira se jagħmilha tnejn. Lucy, imbagħad, jinteressaha biss f’liema bar jew disco sejra….imma ara ma jkunx jaf missierha, għax dak mingħalih li hi qaddisa daqs oħtha.
F’dar-raħal il-każin tal-banda donnu l-iżjed ħaġa importanti fir-raħal, għax kollox idur mal-każin. Għalhekk, l-involviment ta’ Joyce u l-familjari tagħha u ta’ Mario u uliedu fl-operat tal-każin huwa skuża tajba biex iżommu l-pika ta’ bejniethom taħraq. Il-president tal-każin ikollu jieħu paċenzja bil-frejjeġ li jagħmel Mario bħala l-kaxxier tal-każin, u jżomm ruħu newtrali bejn il-pika tal-aħwa fl-operat tal-każin, biex ma jaqlax ġlied..u għax għandu grazzja speċjali għal Joyce. Albert u sħabu, Terry, Leli, u Ġużeppi, dejjem issibhom il-każin jittantaw ix-xemx għaddejja, jgħaddu ż-żmien b’Willy, l-bidillu tal-każin u imitatur t’ Elvis, jew jgħinu lil xulxin f’xi sitwazzjoni delikat li xi ħadd minnhom ikun sab ruħu fiha. Imsomma, kollha għoqda waħda magħqudin wara l-każin glorjuż tar-raħal.
Għaqda Għoqda ser ikun qed jixxandar kull nhar ta’ Ġimgħa fit-8:35pm, minn Jannar li ġej, fuq ONE.