Il-professjonisti li jaħdmu fi ħdan Willingness Team, li joffru servizzi soċjali bħal counselling u terapija psikosoċjali, nedew filmat b’messaġġ b’saħħtu, li jfakkar l-importanza li naħsbu f’ta’ madwarna u nieħdu ħsieb xulxin f’dawn iż-żminijiet, li kapaċi joffru pressjoni kbira fuq is-saħħa mentali tal-individwi li jispiċċaw f’solitudni.
Dan il-filmat, f’ambjent ta’ klassi mimlija żgħażagħ, juri żagħżugħ f’solitudni minħabba raġunijiet differenti, imdawwar bi grupp ta’ żgħażagħ li qed jissoċjalizzaw flimkien. Jitwassal il-messaġġ biex ngħinu lil xulxin, ninnutaw l-emozzjonijiet ta’ dawk ta’ madwarna, ninkludu lil kulħadd f’xi ritratt li jittieħed f’dawn iż-żminijiet, u naħsbu f’min ikun jidher ħosbien.
“Mhux id-dwejjaq ta’ kulħadd jidher… ħafna huma dawk li jgħinu lil ħaddieħor u jbatu fis-silenzju”, qal il-messaġġ f’dan il-filmat.
F’kummenti ma’ one.com.mt, il-fundatur ta’ Willingness Team, Matthew Bartolo qal; “Nitkellmu ħafna fuq is-saħħa mentali u nies li jħossuhom waħedhom, speċjalment f’dawn iż-żminijiet. B’dan il-filmat, nixtiequ nwasslu messaġġ, biex nieħdu ħsieb xulxin.”
Willingness Team għadu kemm irċieva premju tal-Malta Business Awards bħala Leader in Mental Health.