Fl-aħħar jiem il-pubbliku kellu l-opportunità li japprezza numru sabiħ ta’ memorabilia relatata mal-futbol internazzjonali f’esebizzjoni mtellgħa minn Step Up For Parkinson’s fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni.
Fost l-affarjiet għall-wiri kien hemm numru ta’ oġġetti milbusa u ffirmati minn wħud mill-aqwa leġġendi tal-isport. Wieħed seta’ wkoll jara mill-viċin repliki ta’ wħud mill-aktar trofej prestiġjużi, bħal dik tat-Tazza tad-Dinja, taċ-Champions League u l-Ballun tad-Deheb.
Il-wirja, li evolviet madwar dawk li llum huma meqjusin bħala l-iktar żewġ plejers influwenti tas-seklu, Lionel Messi u Cristiano Ronaldo, xeħtet dawl mhux biss fuq is-suċċessi tagħhom, iżda wkoll fuq it-trobbijja diffiċli li kellhom.
Minkejja dan, iżda, xorta rnexxielhom iwettqu l-ħolma ta’ ħajjithom u llum il-ġurnata huma l-ispirazzjoni ta’ ħafna, inkluż f’pajjiżna stess. Dan jixhdu n-numru sabiħ ta’ nies ta’ kull età li żaru din il-wirja unika.
Bħala parti minn din l-attività, id-dilettanti sportivi setgħu wkoll jipparteċipaw f’irkant ta’ għadd ta’ memorabilia imprezzabbli, li l-flus minnha marru b’riżq persuni li jbatu bil-Parkinson’s.