Familja fil-Qala ġiet ordnata tiżgombra minn proprjetà fil-Qala, b’deċiżjoni li tista’ taffettwa oħrajn li joqogħdu fuq art tal-Fondazzjoni Abbazia di Sant Antonio delli Navarra.
Fuq din il-Fondazzjoni, l-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna kien jaħtar rettur iżda ftit tas-snin ilu rrinunzja l-kontroll fuq il-Fondazzjoni għas-somma ta’ mitejn elf ewro.
Bid-deċiżjoni ta’ Monsinjur Scicluna, l-amministraturi tal-Fondazzjoni saru l-Avukat Patrick Valentino u Dei Conti Holdings Limited, kumpanija privata li tħares l-interessi tal-familja Stagno Navarra, meqjusa bħala l-eredi ta’ Cosmana Cumbo Stagno Navarra, il-mara nobbli li kellha l-artijiet inkwistjoni fil-Qala u n-Nadur.
F’din il-kumpanija hemm l-eks Maġistrat Dennis Montebello u l-Avukat Carmel Galea.
Issa li l-Arċidjoċesi ma għadx għandha kontroll ta’ din il-medda ta’ art, persuni li jgħixu fuq din l-art u bdiewa fost oħrajn jinsabu f’riskju li jitilfu l-art li ilhom jgħixu fuqha jew jaħdmuha, kif fil-fatt ġralha familja fil-Qala.
Fuq din il-kwistjoni, l-Arċisqof Scicluna kien qal li ma kienx jaf li l-art se tiġi żviluppata qabel ħa d-deċiżjoni li jirrinunzja d-drittijiet tal-Arċidjoċesi fuq il-Fondazzjoni li tamministra l-artijiet.
Monsinjur Scicluna kien anki affaċjat protesta b’kartelluni barra l-Kurja fil-Floriana.
Bil-kartelluni jaqraw ‘Ir-Ragħaj Tefgħana f’Ħalq l-Ilpup’, ‘Tradiena’ u referenzi li l-Arċisqof biegħ l-interessi tan-nies għal mitejn elf ewro, numru ta’ nies kienu wrew l-għadab tagħhom għad-deċiżjoni tal-Arċisqof.